Panettone jew Mince Pies? | One News

Notifiki

Panettone jew Mince Pies?

F’survey li sar xi snin ilu minn rivista influwenti barranija fil-perjodu tal-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-sena ġew ikkuntattjati diversi ambaxxaturi minn pajjiżi differenti u ġew mistoqsija jesprimu x-xewqa tagħhom għal dan il-perjodu hekk sabiħ fil-kalendarju tas-sena.

L-ambaxxatur Amerikan wieġeb li xtaq jara aktar ftehim bejn il-pajjiżi tad-dinja.  Dak Ingliż xtaq li jkun hemm aktar armonija bejn il-Kontinenti. L-ambaxxatur Ġermaniż stqarr li kien jixtieq jara li tikber il-kuxjenza favur il-klima u l-konsegwenzi tat-tniġġiż fl-arja. L-ambaxxatur Taljan wera x-xewqa li jonqos il-faqar fid-dinja.  L-ambaxxatur Malti min-naħa tiegħu ġie kkwotat jgħid… Lanqas naf eżatt….naqra indeċiż bejn panettone jew mince pies!”

Ta’ Malti li hu l-ewwel ħsieb mar għal żaqqu.

Biex ipatti għal din il-gaffe, l-ambaxxatur ikkonċernat talabni sabiex ġentilment jaqsam magħkom il-qarrejja xi ftit ħsibijiet leġġeri għal dan iż-żmien tas-sena.

U b’serjetà liema bħalha jistaqsi:

-Vera li meta kienu jsiru l-laqgħat tal-Gvern li Jisma’ kienu jitqassmu l-cotton buds lill-mistednin kollha bit-tama li kulħadd jisma’ aħjar?

-Vera li l-membri tal-Kummissjoni Venezja ġew għal-laqgħat f’Malta libsin buz minħabba li l-belt ta’Venezja ħafna drabi tispiċċa taħt l-ilma?

-Vera li meta l-ipokresija tkun grassa, ikollha livell għoli ta’kolesterol minħabba l-livell tal-grass jew xaħam li jkollha?

-Vera li meta jitqajjem Ksur ta’ Privileġġ fil-Parlament jintalab l-intervent ta’ xi First Aider li jkun jista’ jivverifika x’tip ta’ ksur ikun hemm?

-Veru li min isegwi Parliament Tv mill-qrib qiegħed ibati minn stat ta’ tensjoni kbira?

-Vera li l-iġganti tat-Tritoni beħsiebhom jiftħu kafetterija ladarba mdorrijin iżommu l-gabarre’ fuq il-pala t’ idejhom?

-Veru li hawn min solva l-problema tal-parking billi xtara bil-lest karozza pparkjata?

Minbarra dawn ir-riflessjonijiet profondi, l-istess ambaxxatur issuġġerixxa xi rigali xierqa li xi mexxejja barranin jistgħu jirċievu għal dan iż-żmien ta’ festi.

Lill-President Amerikan Donald Trump wieħed jista’ jirregalalu kazzola miksija bid-deheb sabiex ikun jista’ jagħmel użu minnha waqt li qed jibni l-ħajt mal-Messiku.

Lill-Prim Ministru Ingliża Theresa May jixraq li wieħed jagħtiha globu, rifless ta’ kif inhu r-Renju Unit ta’ Brexit/No Brexit ta’ bħalissa.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte jixraqlu ktieb bit-titlu, ‘Kif tista’ tkun Prim Ministru fil-preżenza ta’ żewġ viċi Prim Ministri li jridu jikkmandaw huma!’

Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel tista’ tirċievi kalendarju bl-aktar postijiet sbieħ fid-dinja fejn tista’ tmur tistrieħ wara li tirtira mix-xena politika ta’ pajjiżha, kif ħabbret li se tagħmel.

Lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat l-isbaħ u l-aqwa rigal huwa dak tas-serenità u aktar ħidma fejjieda favur il-pajjiż.

U lill-Maltin u l-Għawdxin kollha:  Sliem u Saħħa.

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend