"Laqgħa li timmarka bidla fit-ton bejn l-Ewropa u l-Afrika"- il-PM | One News

Notifiki

“Laqgħa li timmarka bidla fit-ton bejn l-Ewropa u l-Afrika”- il-PM

Il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u dawk Afrikani fi Vjenna kienet deskritta mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat bħala waħda li mmarkat bidla fit-ton bejn l-Ewropa u l-Afrika.

Dr Muscat qal li l-kwistjoni m’għadhiex biss diskussjoni dwar l-immigrazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-opportunitajiet internazzjonali.

“Huma ovvja l-investimenti li qed isiru minn pajjiżi oħra. Huwa ovvja l-mod u l-attitudni li qed jużaw potenzi internazzjonali oħra fir-rigward tal-Afrika u li qed ikollhom riżultati ferm importanti u allura t-ton li qed jintuża huwa differenti anki għaliex huwa ċar li hemm opportunitajiet kbar.”

Waqt li indirizza lill-mexxejja, il-Prim Ministru rrimarka li Malta dejjem emmnet li d-diskussjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika trid tkun waħda bejn l-imsieħba.

Dan anki minħabba li Malta għandha l-ewwel qafas regolatorju f’ċertu oqsma bħal tal-blockchain, u għaldaqstant il-potenzjal fil-pajjiżi jista’ jkun wieħed reċiproku.

“Ikun hemm min għandu sterjotipi f’moħħu li per eżempju m’hemmx teknoloġija fl-Afrika. M’hemm xejn iktar ’il bogħod minn dan. Filfatt il-fatt li ħafna pajjiżi Afrikani bdew fil-qasam teknoloġiku bħas-servizzi finanzjarji relattivament tard, ifisser li llum it-teknoloġija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ payment transfers fl-Afrika huma fost l-iktar avvanzati fid-dinja.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li fl-Afrika jara potenzjal kbir, u hemm minn fejn Malta timxi ’l quddiem permezz ta’ aktar relazzjonijiet kummerċjali.

“Huwa għalhekk ukoll li bħala Gvern iddeċidejna li niftħu Kummissjoni Għolja ġol-Ghana għax naraw potenzjal f’dan il-pajjiż imma mbagħad mill-Ghana biex nagħmlu kuntatt f’pajjiżi oħra Afrikani li sal-lum ma kellniex kuntatt daqshekk tajjeb magħhom u li diġà qed ikollna reazzjonijiet tajba f’dak li għandu x’jaqsam ma’ relazzjonijiet kummerċjali li jista’ jkollna.”

Fuq kollox, il-laqgħa tat aktar spazju lill-mexxejja biex jiddiskutu ħalli jkunu żgurati aktar prosperità u kompetittività fiż-żewġ kontinenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend