Kisba b'saħħitha għal Miriam Dalli dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet minn karozzi ġodda | One News

Notifiki

Kisba b’saħħitha għal Miriam Dalli dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet minn karozzi ġodda

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew waslu għal ftehim biex jonqsu l-emissjonijiet mill-karozzi u vannijiet żgħar u ġodda sas-sena 2030. Il-ftehim kien possibbli permezz tal-pożizzjoni determinata tal-Membru Parlamentari Ewropea Miriam Dalli li bħala negozjatur żgurat li sal-2030, l-emissjonijiet mill-karozzi ġodda jonqsu b’37.5%. 

Il-ftehim intlaħaq minkejja oppożizzjoni iebsa mill-industrija tal-karozzi u wassal biex jingħalqu bosta toqob li pajjiżi riedu jħallu biex idgħajfu l-liġi.

Fil-fatt, għall-ewwel darba l-Kummissjoni Ewropea għandha l-obbligu li ssegwi u tirrapporta data dwar il-konsum tal-fjuwil. Dan permezz ta’ apparat imwaħħal fil-karozzi l-ġodda li jkejjel id-dħaħen u li permezz tiegħu jiġi stabbilit eżatt x’qed joħroġ mill-karozzi fit-toroq tagħna.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli nnutat kif dan il-ftehim mhu se jfisser l-ebda spiża għaċ-ċittadin. Anzi mistenni jżid il-produzzjoni tal-karozzi elettriċi, u għaldaqstant se jirħasu.

“Min għandu karozza llum il-ġurnata mhu se jidħol fl-ebda spiża. Għaliex ħadd mhu se jimponi fuqu biex jibdel il-karozza tiegħu b’xi mod jew ieħor. Din il-liġi tiffoka fuq min jimmanifattura l-karozzi u allura se tiffoka biss fuq karozzi ġodda, u ma tagħmel l-ebda differenza lil min diġà għandu karozza fit-triq.”

L-ikbar impatt ta’ dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet, spjegat Dr Dalli, hu fis-saħħa; hekk kif se jfisser tisħiħ ambjentali.

“Ifisser li se jkollna arja iktar nadifa, u se nindirizzaw propju mard li llum il-ġurnata hu kkawżat mit-tniġġis. Rajna matul iż-żminijiet li dawk l-aktar affettwati minn dan il-mard huma propju t-tfal. Jiġifieri arja iktar nadifa u kwalità ta’ arja aħjar se tfisser kwalità ta’ saħħa aħjar għaċ-ċittadini kollha b’mod partikolari t-tfal.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend