Filmat: Il-Gvern jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni Venezja | One News

Notifiki

Filmat: Il-Gvern jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni Venezja

Il-Gvern laqa’ ir-rapport bil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tal-Liġi, magħrufa bħala l-Kummissjoni Venezja. Dan hekk kif il-kummissjoni Venezja ippublikat ir-rapport bi proposti li wettqet fuq talba tal-Gvern Malti. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li dan huwa gvern riformista u jilqa’ dawn il-proposti. Il-ħsieb huwa li jiġu implimentati għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja hemm dawk dwar il-ħatriet tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni rrakomandat li għandha tiġi pubblikata sejħa għall-applikazzjonijiet għal dawk interessati li jokkupaw kariga fil-ġudikatura.

Il-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura għandu jipproponi lill-kandidat jew kandidati magħżula għall-ħatra direttament lill-President ta’ Malta, li tkun marbuta b’dik il-proposta. Fi kliem il-Kummissjoni dan sabiex tkompli tissaħħaħ is-sistema ta’ trasparenza introdotta minn dan il-Gvern, fejn qabel twaqqaf il-kumitat dwar il-ħatriet fil-ġudikatura, il-ħatra tal-ġudikanti kienet diskrezzjoni assoluta tal-Prim Ministru.

Il-Kummissjoni Venezja qalet li għandu jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi li jiddeċiedi, wara isir inkjesta maġisterjali, jekk individwu għandu jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

L-Avukat Ġenerali għandu jibqa’ l-konsulent legali tal-Gvern, u l-Pulizija jibqgħu responsabbli għax-xogħol investigattiv.

Il-Kummissjoni Venezja irrakomandat li l-Membri tal-Parlament għandhom ikunu full-time u jingħataw aktar riżorsi. Irrakomandat ukoll li Il-President tar-Repubblika għandu jkollu aktar poteri, u jinħatar u jitneħħa b’ maġġoranza kwalifikata.

Il-Kummissjoni Venezja qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar wara sejħa pubblika, bil-Prim Ministru ikollu dritt għal veto.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-gvern jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni Venezja, u bi ħsiebu jimplimentahom, bil-għan li tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

 F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-ġustizzja Owen Bonnici qal li l-biċċa l-kbira tar-riformi proposti jmissu artikoli tal-Kostituzzjoni li jinħtieġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex jiġu emendati.

F’dan il-kuntest, qal li l-ħidma tal-iSteering Committee għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali presedut mill-President tar-Repubblika ma setax jibda jaħdem fi żmien aħjar. F’dan il-kumitat imexxi mill-President ta’ Malta, hemm fih żewġ membri tal-gvern u żewġ membri tal-Oppożizzjoni.

Il-gvern irringrazzja lill-Kummissjoni  Venezja tax-xogħol li għamlet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend