FILMAT: “Valletta 2018 għalqet bil-kbir” – One News

Notifiki

FILMAT: “Valletta 2018 għalqet bil-kbir”

Is-Sibt filgħaxija l-Belt Valletta għalqet bil-kbir is-sena li matulha ġarret it-titlu ta’ belt kapitali Ewropea tal-Kultura.

L-Aħħar Festa, l-attività uffiċjali tal-għeluq ta’ Valletta 2018, ġiet iċċelebrata fi Pjazza San Ġorġ quddiem folla mdaqqsa.

Apparti l-ispettaklu dinamiku li ttella’ minn artisti bħal Ozzy Lino u l-gruppi Tribali u The Brass House Unit, ġie mgħoddi t-titlu lill-Kapitali Ewropea tal-Kultura li jmiss, lil Matera u lil Plovdiv.

L-Aħħar Festa fil-Belt Valletta rat ukoll Ħajt tal-Memorji, li fih kien hemm imniżżlin proġetti ewlenin mill-programm kulturali ta’ Valletta elfejn u tmintax.

Kien hemm ukoll interpretazzjonijiet minn artisti varji.

ŻfinMalta u Valletta 2018 ingħaqdu wkoll għal rappreżentazzjoni interattiva bl-isem ta’ Ballroom fis-Suq tal-Belt, li kienet ispirata mill-proġetti outreach Jump u Dance4All.

Fiċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici saħaq li din is-sena kienet l-aktar sena sinjifikanti għall-kultura fl-istorja ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif din kienet sena storika li reġgħet tat il-ħajja lill-Belt Valletta.

Fl-istess ċerimonja tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.

F’kummenti lil dan l-istazzjon l-għada tal-għeluq bil-kbir ta’ Valletta 2018, is-Sur Micallef saħaq fuq il-legat li se jitħalla.

“Issa l-isfida hija li din il-ħidma kulturali kollha mal-pajjiż kollu mhux biss il-Belt tibqa’ għaddejja bħala parti mil-legat u garanzija ta’ dan il-legat m’għandiex dubju jien li se tkun l-ewwel aġenzija kulturali għall-Belt Valletta. Il-Valletta Culture Agency illi flimkien mal-Gvern ħabbarna xi ftit tal-ġimgħat ilu, li konna ilna naħdmu fuqha anki matul dawn il-ħames snin, biex nagħmlu ċert illi dan il-fenomenu li waqqafna fil-Belt Valletta jibqa’ għaddej”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend