"Sena b'investiment f'infrastruttura għall-futur" -JM | One News

Notifiki

“Sena b’investiment f’infrastruttura għall-futur” -JM

Fl-aħħar attività politika għal din is-sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif matul din is-sena l-pajjiż għamel investiment kbir fl-infrastruttura tal-pajjiż u wera li nbidlet totalment il-paġna ta’ kif isir l-investiment f’dan il-qasam.

Infrastruttura li tinkludi t-toroq, iżda mhux biss.

“Writna pajjiż li kien iġannat fl-infrastruttura, li minflok jaħseb għal li ġej jaħseb biss f’issa. aħna din l-idea biddilniha u llum il-ġurnata bdejna verament naħsbu fil-futur”.

Huwa qal li s-sena d-dieħla se ninstallaw mitejn u ħamsa u għoxrin punt ieħor fejn min għandu karozza elettrika jista’ jiċċarġja l-karozza tiegħu. Dan filwaqt li se jsiru sistemi fit-toroq il-ġodda fejn anke min jippreferi juża r-roti jkollu iktar prijorità.

Fuq kollox ukoll, infrastruttura li taħseb għat-trasport pubbliku – settur riformat mis-sistema diżastruża tal-Arriva. Dan anke għaliex din is-sena it-trasport pubbliku użawh ħamsin miljun persuna b’iktar persuni jivvjaġġaw b’xejn.

Hawn Joseph Muscat fakkar li l-għan strateġiku hu li ‘l quddiem it-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd.

Tkellem ukoll dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u fisser kif għaddej studju ieħor li jrid ikun hemm konsultazzjoni dwaru dwar x’se jsir mill-blat meta titħaffer din il-mina.

“Meta titħaffer din il-mina, l-ammont ta’ blat li se jinħareġ huwa tliet darbiet l-ammont ta’ ġebel li noħolqu f’pajjiżna f’sena waħda, immaġinaw l-ammont ta’ ġebel qisu għamilna tliet snin ta’ kostruzzjoni u dan huwa riżors”.

Huwa tkellem ukoll dwar ix-xogħol bla precedent li sar fil-qasam kulturali.

Huwa ta l-mużew tal-arti bħala eżempju. Fakkar kif dawk li jżuru l-post m’a uliedhom jew tfal qraba tagħhom idaħluhom b’xejn it-tfal.

Hawnhekk qal li bil-passat qed noħolqu l-futur u żied li mhux se nieqfu hawn:

“Irridu nibdew naħsbu għal meta jerġa’ jkollna l-belt tal-kultura ewropea,” sostna Joseph Muscat li esprima għall-ewwel darba t-twemmin tiegħu li 15-il sena oħra ykun Għawdex il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u saħaq li hemm jista’ jkun hemm proġett kulturali interessanti.

Tkellem ukoll dwar l-investiment fis-saħħa u l-edukazzjoni, fejn din il-ġimgħa 14,000 student rċivew bonus ta’ €100.

Ma naqasx milli jsemmi wkoll l-investiment ambjentali u rrefera għall-ftehim iffirmat din il-ġimgħa dwar il-flixken tal-plastik.

“In-nies iridu jaraw is-serjetà. Kemm ilna għaddejjin bis-sistema nġabru 3,000 tunnellata. F’sitt ġimgħat ta’ din is-sistema nġabar skart organiku daqs kemm inġabar fl-2017 kollu,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif aħna l-iktar pajjiż fl-Ewropa li narmu l-iskart fil-miżbla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend