Iparlaw bla ma jistaqsu | One News

Notifiki

Iparlaw bla ma jistaqsu

Ir-regolatur tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment kellu kliem iebes għal dawk li jattakkaw il-programm mingħajr ma jafu x’fih.

F’kummenti li ta lill-gazzetta Kullħadd, ir-regolatur Carmel De Gabriele, li fil-passat kien fdat minn amministrazzjonijiet differenti, qal li huwa diżappuntat li ħadd mill-fact finding missions li ġew Malta ma indenja ruħu li jitlob laqgħa miegħu.

Hawnhekk esprima t-tħassib tiegħu għal dik li sejjaħ pubbliċità ħażina li saret mingħajr ma wieħed jidħol fid-dettalji speċifiċi tal-programm. Huwa kien skjett u iebes anke fil-konfront ta’ delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġew f’Malta u semmew il-programm.

Ir-regolatur innota kif minkejja l-kritika kollha għall-programm u l-pubbliċità ħażina, il-programm xorta waħda baqa’ wieħed b’saħħtu, u fakkar fil-proċess metikoluż ta’ due diligence li qed isir.

Fil-fatt, minn meta beda jeżisti, l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ra iktar minn biljun ewro ta’ dħul. Dan minkejja li l-programm Malti huwa wkoll wieħed iebes fejn jidħol skrutinju, tant li kemm ilu jeżisti, applikazzjoni minn kull ħamsa tkun rrifjutata. Dan iseħħ wara li l-iskrutinju li jkun sar ikun wera li l-applikant ma jkunx laħaq il-livell mixtieq.

Fl-istess ħin, waħda mill-akbar organizzazzjonijiet fid-dinja tal-immigrazzjoni, RIF Trust, ikkummentat kif il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u l-Programm ta’ Residenza u Visas ta’ Malta huma tnejn mill-aktar programmi siguri fl-Ewropa biex wieħed jakkwista ċittadinanza jew residenza.

Kif mistenni, il-maġġoranza ta’ dawk li daħlu bħala parti mill-programm huma ta’ livell ta’ edukazzjoni għolja, u iktar minn nofshom huma self-employed b’negozji u investimenti tagħhom.

Meta ġew biex jixtru jew jikru l-postijiet fejn joqogħdu, l-investituri nefqu medja ta’ miljun mija u erbgħa u tmenin elf ewro. Ferm iktar mill-minimu ta’ €350,000 li jitlob il-programm. F’dak li hu kiri, il-medja tlaħħaq il-€100,000 għal kull kuntratt ta’ ħames snin.

Grazzi għall-programm ta’ ċittadinanza kien hemm ukoll €126 miljun oħra li kienu investiti fi stokks tal-Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend