Għandek sal-lejla biex tara presepju ħaj fil-Ħamrun | One News

Notifiki

Għandek sal-lejla biex tara presepju ħaj fil-Ħamrun

Hekk kif qed joqrob il-Milied, diversi dilettanti jfakkru din il-ġrajja billi jagħmlu xi presepju.

Il-Komunità Franġiskana fil-Ħamrun organizzaw presepju ħaj, fejn in-nies li attendew f’dan it-tmiem il-ġimgħa, esperjenzaw mill-qrib din il-ġrajja permezz ta’ personaġġi tad-demm u l-laħam. Fil-presepju hemm ukoll diversi annimali, fosthom nagħaġ, baqar u anke ħmar. Annimali li huma simboli ewlenin f’din il-ġrajja.

Personaġġ li kien hemm f’dan il-presepju ħaj u li mhux komuni li wieħed isibu fi presepji oħra huwa San Franġisk liebes iċ-ċoqqa ta’ patri.

Il-Patri Joseph Magro mill-komunità Franġiskana qal li l-ħsieb wara dan il-personaġġ huwa biex ikun imfakkar kemm San Franġisk kien iħobb lil Ġesu Bambin.

“San Franġisk, li aħna ngħidu li għamel l-ewwel presepju, ridna li jkun parti mill-presepju għal dan il-għan, għax kien hu li tant kien iħobb ix-xbieha ta’ Ġesù Bambin”.

Il-presepju ħaj kien miftuħ f’dan it-tmiem il-ġimgħa, u issa se jibqa’ hemmhekk bil-manikkini. Presepju li f’atmosfera ta’ paċi u serenità, żgur li jddaħħal lil dawk li jżuruh fl-atmosfera tal-Milied.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend