ARA: Studenti tal-MCAST jaqtgħu x-xagħar ta’ persuni bla saqaf fuq rashom – One News

Notifiki

ARA: Studenti tal-MCAST jaqtgħu x-xagħar ta’ persuni bla saqaf fuq rashom

Grupp ta’ madwar 15-il student mill-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST qattgħu nofstanhar jaqtgħu x-xahar ta’ bosta residenti li qegħdin jgħixu f’Dar Papa Franġisku, l-ewwel xelter ta’ emerġenza f’Malta.

Dar Papa Franġisku f’Birkirkara tiftaħ il-bibien tagħha għall-persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom u waqt li titmagħhom, toffrilhom ukoll post fejn jistgħu jinħaslu u sodda fejn imiddu rashom matul il-lejl.

Crew ta’ ONE NEWS qatta’ ftit tal-ħin mal-istudenti tal-MCAST f’Dar Papa Franġisku waqt li kienu qegħdin jaqtgħu x-xahar ta’ bosta residenti minkejja ċ-ċirkostanzi xejn sbieħ li qegħdin fihom, dehru ferħana ħafna bix-xogħol tal-istudenti.

One News tkellem ukoll ma’ Dylan Josef Rapinett, student fl-istitut għas-servizzi tal-komunità fl-MCAST li flimkien ma’ studenti oħra qata’ x-xahar bosta residenti li wħud minnhom stqarru li ħadu r-ruħ bid-dehra friska li ngħataw.

“Dar Papa Franġisku tana esperjenza vera tajba tagħna ċ-ċans naħdmu fuq ħafna tip ta’ xagħar differenti as well qegħdin nagħmlu ġest sabiħ ukoll.”

Dylan qalilna li minn din l-esperjenza l-istudenti tgħallmu ħafna waqt li oħrajn dehru jmiddu jdejhom għax-xogħol fi ħtiġijiet oħrajn li jkollha bżonn id-dar.

“Dan fl-aħħar mill-aħħar ġejjin il-festi. Hawn ħafna nies forsi finanzjarjament forsi ma jifilħux li jmorru jaqtgħu xagħrhom u allura niġu nagħmluhom aħna. Tajjeb għalina tajjeb għalihom, everybody wins.”

Wieħed mir-residenti li qegħdin jgħixu fix-xelter wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inzijattiva tal-istudenti.

“Imnalla jkunu dawn is-servizzi għalina għax la jkollox x’tiekol la jkollok biex taqta’ xagħrek xejn.”

Dar Papa Franġisku fetħet il-bibien tagħha f’Lulju ta’ sentejn ilu bil-għajnuna tal-Caritas flimkien mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi.

Id-dar mgħammra bi 22 sodda titmexxa mill-Caritas bi sħubija mal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi.

Ta’ QabelLi Jmiss