Skopri l-ġmiel uniku tal-Antartika | One News

Notifiki

Skopri l-ġmiel uniku tal-Antartika

L-Antartika huwa l-iksaħ kontinent, l-iżjed wieħed niexef u bl-ogħla elevazzjoni medja. Huwa wkoll il-kontinent li jinsab l-aktar l-isfel fin-naħa tan-nofsinhar tad-dinja. Peress li ż-żjarat huma ristretti, għalja u diffiċli, l-Antartika huwa l-uniku kontinent illi baqa’ pjuttost mhux mittiefes mill-bniedem. Infatti, il-popolazzjoni tiegħu tikkonsisti biss minn ftit eluf ta’ xjenzati.

Għall-kuntrarju tal-Artiku fit-Tramuntana, teżisti art xotta taħt is-silġ tal-Antartika. Dan il-kontinent huwa mogħni b’xenarju uniku, ekosistemi distinti u huwa wieħed mill-postijiet fid-dinja fejn wieħed jista’ jammira tassew żoni fi stat naturali.

Fil-bidu tal-2018, John Joseph Borg, Kuratur Anzjan tal-Mużew Nazzjonali tan-Natura fl-Imdina, ipparteċipa fi spedizzjoni f’dawn l-oċeani tan-nofsinhar li telqet minn Ushuaia fl-Arġentina u żaret Islas Malvinas (Gżejjer ta’ Falkland), in-nofsinhar ta’ Georgia u ta’ Shetland, u l-Peninsula Antartika. Numru kbir ta’ għasafar tal-baħar ta’ kull qies, eluf ta’ pingwini, u bosta speċi ta’ baleni u foki ġew dokumentati. Wara 20 ġurnata fuq il-baħar, il-parteċipanti tal-ispedizzjoni rritornaw lejn Ushuaia b’informazzjoni estensiva.

Nhar it-Tlieta, 18 ta Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal taħdita fejn is-Sur Borg se jkun qed jaqsam l-esperjenzi tiegħu waqt il-vjaġġ ta’ esplorazzjoni lejn l-Antartika.

Post: Activity room (sular t’isfel) fil-Mużew Nazzjonali tan-Natura fl-Imdina.

Ħin: 6.30pm. Dħul b’xejn.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend