Xkatlati | One News

Notifiki

Xkatlati

Illum 10 ta’ Diċembru, 2018,  għal xi 4.00pm kont ġej mill-Imrieħel u niġbed lejn il-Marsa. Sa ftit ilu bħal dan il-ħin kont issib it-traffiku staġnat,  u bil-kemm tista’ tgħaddi,  u ċlikki ċlikki.  U dan meta tagħżel it-toroq li huma magħrufin bħala regional roads,  li suppost iħaffu t-traffiku.

Illum nista’ ngħid bi pjaċir u sodisfazzjon li dak ix-xogħol li sar fit-toroq li jieħdu lejn in-naħat t’isfel ta’ Malta qed jissarraf fi traffiku aħjar,  u mhux biss fil-ħinijiet inkrepattivi bħal ma hu l-Erbgħa ta’ waranofsinhar u n-nies tkun sejra lejn id-dar.

U dik l-aħbar li dehret fuq one.com.mt hija minnha u n-nies jafuha bl-esperjenza tagħhom,  bħal ma ġiet l-esperjenza tiegħi llum stess.

Imma dejjem jibqa’ x’isir u ħażin jekk nistrieħu fuq il-kuruni tar-rand tal-glorja ta’ dak li sar,  għax  ir-rand malajr jinxef.

Fil-fehma tiegħi hemm bżonn li jkun hemm daqqa t’għajn lejn it-traffic lights, għax kultant f’ċerti inħawi joħoqlu problemi,  u mhux żgħar.

Ħalli nibda minn dik tal-Imsida li tieħdok għal Mater Dei, l-Università eċċ.  Meta jieqfu l-karozzi li ġejjin minn Birkirkara mal-wied,  dawk li suppost jitilqu ħalli jitilghu t-telgħa tal-Università jibqgħu xorta jistennew,  u jdumu ftit.  Karozzi weqfin iħarsu lejn xulxin.  Nemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar ħeffa għal karozzi,  u ġieli ambulanzi li jridu jitilgħu lejn Mater Dei,  u billi jkunu sinkronizzati aħjar,  ma naħsibx li trid għerf kbir.  L-istess min-naħa l-oħra meta jkunu neżlin għall-Imsida.  Fl-opinjoni tiegħi din verament teħtieġ attenzjoni.

Oħra fil-Furjana Triq Sant’Anna. Meta l-karozzi jiġu biex iduru lejn l-Excelsior Hotel,  dejjem triq miżduda.  Il-vetturi jkunu sejrin direzzjoni waħda u cioe` ‘l isfel.  Bid-dawl jaqleb, imma mgħaġġel,  il-vetturi ż-zgħar spissjimxu b’pass ta’ nemlu.  Umbagħad kapaċi jsibu d-dawl ieħor li qed iwaqqaf għax għaddejjin it-turisti jaqsmu. Id-difett jinsab f’li Triq ta’ Sarrija ngħalqet għal vetturi zgħar,  biex taparsi jħallu triq libera għal tal-linja.  Jien persważ li jekk tinfetaħ ta’ Sarrija mill-ġdid għall-karozzi privati,  u Sant’Anna jħallu li bħal dari jgħaddu wkoll uħud minn tal-linja,  jkun hemm tqassim aħjar.  Ikun ukoll konvenjenti għal min irid imur fil-qalba tal-Furjana u mhux lejn Balzunetta. Ġieli ddum tistenna għax taparsi ġejja tal-Linja minn triq Sarrija u ma jkun ġej xejn.  Persważ li hemm diversi Ministri li jafu b’din il-problema.

Hemm irkejjen oħrajn fejn it-traffic lights aktar joħolqu serbut ta’ karozzi warajhom,  u traffic jams.

Hemm ukoll l-area bejn il-Bombi u l-Blata l-Bajda.  Hemm stennija żejda,  u hemm taħwid ta’ dwal.  Għala meta jieqfu dawk ġejjin mill-Belt,  dawk li ġejjin mix-Xatt u mill-Ħamrun ma jimxux flimkien?  Hemm distanza biżżejjed li kulħadd iżomm l-lane tiegħu.

U forsi wasal iż-żmien li jkun hemm traffic lights oħrajn biex jgħinu l-karozzi tal-linja joħorġu mill-venda.  Mhux kulħadd jipprova jisraq pass.  Hekk kienet fl-imgħoddi r-roundabout ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju.

Huma n-nies li jridu jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi bħal dawn.  Bit-tgergir biss ma ssolvi xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend