“It-tkabbir ekonomiku niksbuh biex intejbu l-ħajja tan-nies”- il-PM – One News

Notifiki

“It-tkabbir ekonomiku niksbuh biex intejbu l-ħajja tan-nies”- il-PM

F’ġimgħa fejn l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet ikkonfermata bħala l-iktar waħda li kibret fl-Ewropa, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif it-tkabbir ekonomiku qiegħed hemm biex il-gvern ikompli jtejjeb il-ħajja tan-nies.

F’attività politika fin-Naxxar, spjega kif dan il-gvern qed jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, u sostna kif l-iktar avveniment li laqtu din il-ġimgħa kien meta tnieda servizz ta’ respite għall-qraba tal-persuni b’diżabbiltà b’investiment ta’ miljun ewro.

Investiment li bih Casa Apap Bologna fil-Mosta nbidlet f’ċentru għal persuni b’diżabbiltà sabiex jagħti ftit nifs lil qraba tagħhom:

“Kuntent ħafna, għaliex il-Gvern qed jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ familji bħal dawn”.

Il-Prim Ministru fisser kif il-Gvern se jkompli jinvesti f’dawn is-setturi filwaqt li tenna l-ġustizzja soċjali u l-mobbiltà soċjali jibqgħu għanijiet ewlenin:

“Dak li jagħmilna differenti huwa li l-prosperità li qed tinħoloq qed tinħoloq biex tintuża għal affarijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kull persuna”.

Tkellem dwar iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni bħala xhieda tal-mobbiltà soċjali u fisser is-sodisfazzjon tal-ġenituri meta uliedhom jiksbu dan:

“Dik hija l-mobbiltà soċjali, li inti uliedek jimxu iktar milli mxejt inti u inti tieħu pjaċir għalihom. Aħna dak what we stand for dak li huwa verament l-għaliex aħna qegħdin hawnekk”.

Il-Prim Ministru tenna li dan kollu huwa possibli grazzi għas-suċċessi li qed jikseb pajjiżna. Dan hekk iktar kmieni din il-ġimgħa figuri tal-Eurostat urew li b’7.5% Malta għandha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Tkabbir li skont il-Prim Ministru jitfa’ lil pajjiżna f’kampjonat għalih.

“Qisna l-Juventus għaddejin, jiġifieri qegħdin għaddejin kważi league għalina u nieħdu pjaċir li qegħdin nagħmlu hekk imma qed nagħmlu hekk għaliex qed nieħdu d-deċiżjonijiet”.

Intant il-Prim Ministru tkellem dwar is-sehem tiegħu fil-Kungress tal-Partit Soċjalista Ewropew u rrimarka kif wara l-ikbar kriżi finanzjarja l-għażla awtomatika tan-nies ma kinetx il-partiti soċjalisti demokratiċi.

Hawn tkellem dwar kif id-diskussjoni importanti issa hi dwar il-futur tax-xogħol hekk kif qal li ninsabu fuq xifer rivoluzzjoni industrijali li ser tbiddel ta’ taħt fuq il-postijiet tax-xogħol li għandna llum, b’ referenza partikolari għall-Intelliġenza Artifiċjali:

“Aħna l-attitudni tagħna trid tkun li mhux biss ma nirreżistuwiex din it-teknoloġija imma nabbraċċaw u nipruvaw niffurmawha aħna. Għalhekk f’pajjiżna qed nitkellmu dwar dan kollu għax aħna rridu nkunu minn ta’ quddiem u mhux biex jgħidu ara dawn kemm huma avvanzati biss imma biex niproteġu lill-iktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna”.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif il-poplu qed jara d-differenza minn gvernijiet nazzjonalisti preċedenti hekk kif il-poplu issa qed igawdi minn inizzjattivi u miżuri bhal dawk taċ-ċekkijiet tal-korpi u ż-żieda fiċ-ċekk taċ-children’s allowance li se jseħħ fil-jiem li ġejjin.

B’referenza għall-elezzjonijiet f’Mejju tas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru saħaq li l-impenn favur pajjiżna jirriflettih it-tim b’saħħtu li qed jippreżenta l-Partit Laburista:

“L-unika mod li veru aħna bħala ċittadini normali jista’ jkollna say u nagħmlu d-differenza f’dan kollu hu mod wieħed li taqbad u toħroġ tivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend