L-għaxar edizzjoni ta' Bethlehem f'Għajnsielem tibda l-Ħadd li gej | One News

Notifiki

L-għaxar edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem tibda l-Ħadd li gej

L-għaxar edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem tibda nhar il-Ħadd li gej, 9 ta’ Diċembru fejn il-Villaġġ tan-Nattività ser jiftaħ uffiċjalment il-bibien tiegħu għall-pubbliku. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, kif ukoll mas-sindku u kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din is-sena Għawdex ra żieda bla preċedent fl-attivitajiet kulturali li jsiru fil-gżira mifruxa matul is-sena kollha. Hi qalet kif Betlehem f’Għajnsielem hu parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’Għawdex u li issa stabilixxa ruħu bħala tappa annwali marbuta mal-Milied f’Għawdex. Caruana fakkret kif dan il-proġett hu rikonoxxut internazzjonalment u mhux biss fuq bażi lokali. Il-Ministru għal Għawdex qalet kif din is-sena, Għawdex qed joffri programm vast li jolqot il-gosti ta’ kulħadd fi żmien il-festi. Justyne Caruana rringrazzjat lis-Sindku Franco Ciangura u lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem tal-impenn li qed juru biex din l-attrazzjoni tkompli tikber u issir attrazzjoni għas-sena kollha. Il-Ministru Caruana rringrazjat ukoll lil għadd ta’ voluntiera u għaqdiet volontarji li jipparteċipaw biex din l-attività tkun suċċess.

Il-Ministru Justyne Caruana saħqet kif il-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti bis-sħiħ fil-programm tal-Milied f’Għawdex fejn din is-sena l-investiment mhux biss kien bla preċedent iżda saret kampanja ta’ reklamar biex Għawdex verament ikun id-destinazzjoni għall-Milied ta’ din is-sena.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li l-Kunsill Lokali, bħala dik l-entità li hija l-aktar viċin in-nies, irid jirrispondi għall-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadin u jrid iżomm il-lokalitajiet ħajjin, u l-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, bħal ħafna kunsilli lokali oħra, qiegħed jagħmel propju dan. Parnis qal ukoll li jinsab konvint li minbarra li se toħloq aktar sens ta’ unità u se tippromwovi l-aspett tradizzjonali u reliġjuż ta’ pajjiżna, din l-inizjattiva, bħas-snin l-oħra preċedenti, se tagħti wkoll spinta kemm kulturali kif ukoll turisitka. Huwa wkoll awgura li l-attività jkollha s-suċċes tagħha bħas-snin ta’ qabel.

Franco Ciangura, is-Sindku ta’ Għajnsielem, ta spjegazzjoni dettaljata tal-attrazzjonijiet ġodda li ġew inklużi għal din is-sena bis-skop li t-tradizzjoni lokali tibqa’ sinonima u tissaħħah f’dawn il-jiem ta’ festi. Is-Sur Cangura rringrazzja kemm lill-Ministeru għal Għawdex tal-appoġġ li qed jagħti biex titella’ din l-edizzjoni, kif ukoll lill-150 attur li jipparteċipaw waqt din l-attività. Is-Sindku għamel stedina biex in-nies tattendi u tesperjenza xi ħaġa unika għal pajjiżna fejn it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltin ġew amalgamati mal-istorja tan-nattività.

Bethlehem f’Għajnsielem ser jiftaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd, 9 ta’ Dicembru 2018 u jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, 6 ta’ Jannar 2019 fejn jagħlaq is-separju bil-wasla tat-Tliett Slaten Maġi u l-adorazzjoni tal-Bambin Ġesu.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit visitgozo.com jew il-paġna ta’ Facebook – Bethlehem f’Għajnsielem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend