Inawgurata l-ewwel Akkademja tal-isnooker f'pajjiżna | One News

Notifiki

Inawgurata l-ewwel Akkademja tal-isnooker f’pajjiżna

Ġiet inawgurata l-ewwel Akkademja tas-Snooker f’Malta fil-kumpless sportiv ta’ Maria Assunta b’investiment ta’ €700,000. Il-faċilità ġdida tas-snooker hija t-tieni parti mill-proġett sportiv għall-kumpless ta’ Maria Assunta li s’issa diġà għandu ground tal-football u huwa ppjanat li jkun hemm sala tal-handball, padiljun għal sport varji, sala għat-table football, u sala oħra għall-boċċi.

L-akkademja tal-isnooker, minbarra mwejjed tal-logħob professjonali u oħrajn għat-tfal, jaħseb ukoll għal spazju għal uffiċċju għall-Malta Billiard and Snooker Association.

Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima fisser kif il-kummissjoni ġdida maħtura dwar strateġija għall-isport qed taħdem mal-Kumitat Olimpiku Malti biex jiġu identifikati miri u jsir investiment kemm infrastrutturali u kemm f’livell tekniku anke permezz ta’ partnerships ma’ federazzjonijiet internazzjonali.

Clifton Grima qal li l-ħsieb hu li jsir investiment dirett anke fl-atleti nfushom bl-għan aħħari li Malta tkun tista’ tikkompeti fl-ogħla livelli sportivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar filwaqt li rringrazzja l-gvern tal-investiment, lil ħaddiema kollha ta SportMalta u lil Malta Billiard and Snooker Association qal li l-għan ta’ din l-akkademja hu li nkomplu ninvestu u nressqu aktar tfal u żgħażagħ lejn dan l-isport sabiex inkomplu niksbu iktar unuri f’dan it-tip ta’ sport.

Il-President tal-Malta Billiard and Snooker Association Frans Bugeja saħaq li wara tant stennija l-ħolma tad-dilettanti kollha tal-isnooker saret realtà u li issa għandhom post fejn jistgħu jorganizzaw kompetizzjonijiet, jippratikaw u t-tfal jitgħallmu u jikbru f’dan l-isport.

Fost il-ħafna atleti li jipprattikaw dan l-isports, kien hemm preżenti erba’ Maltin li għamlu unur lil Malta kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, fosthom Tony Drago, Pawlu Mifsud, Ġużi Grech u Alex Borg.

 Il-pubbliku hu mistieden sabiex iżur din l-akkademja nhar il-Ħamis 13 ta’ Diċembru mill-10:30am ’il quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend