Jitqassmu l-istikek tad-dijabete kollha lill-pazjenti Maltin u Għawdxin | One News

Notifiki

Jitqassmu l-istikek tad-dijabete kollha lill-pazjenti Maltin u Għawdxin

Persuni li jbatu mill-marda tad-dijabete u li huma reġistrati fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, il-POYC, bdew jaslulhom l-ittri li jintitolawhom għall-ġbir ta’ stikek tad-dijabete mill-istess spiżeriji. B’hekk tlesta l-proċess ta’ din il-forma ta’ tqassim u issa kull persuna f’Malta u f’Għawdex li tbati mill-marda tad-dijabete u li tieħu mediċina biex tikkontrolla din il-kundizzjoni għandha din il-faċilità, u kif pjanat sa tmiem din is-sena se jkun intlaħaq kull min hu intitolat.

Hu kkalkulat li ta’ kull sena se jitqassmu madwar 18-il miljun stikka lil madwar 30,000 persuna dijabetika bi spiża ta’ madwar miljun ewro. Il-proġett kien beda fis-sena 2016 fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek tad-dijabete b’xejn kienu t-tfal. Wara, gradwalment, żdiedu d-dijabetiċi tat-Tip 1 kollha u wara d-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq l-insulina. Wara dan il-proċess żdiedu d-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq il-mediċina orali. Il-pazjenti fuq l-insulina kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum filwaqt li dawk fuq il-mediċina orali jingħataw stikka waħda kuljum.

Il-proċess kien inħadem b’mod li kull xahar kien isir it-tqassim permessi u ta’ meters u ta’ stikek f’għadd ta’ lokalitajiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ta’ kull ġimgħa issa jkomplu jitqassmu l-istikek fl-ispiżeriji kollha tal-POYC.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima sodisfazzjon li kollox mexa skont kif kien pjanat. “Għal darb’oħra qed tingħata prova tal-prijorità li l-Gvern jagħti lill-qasam tas-saħħa u tad-determinazzjoni tiegħu li mhux biss joffri l-kura b’xejn, imma li jipprovdiha bl-aktar mod komdu kemm jista’ jkun għaċ-ċittadin”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend