BIL-FILMAT: Għexieren ta' studenti jiċċelebraw il-festa liturġika ta' San Nikola fis-Siġġiewi | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Għexieren ta’ studenti jiċċelebraw il-festa liturġika ta’ San Nikola fis-Siġġiewi

It-tfal tal-iskola primarja tas-Siġġiewi kienu fis-seba’ sema jiċċelebraw il-festa liturġika ta’ San Nikola li tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Diċembru.

San Nikola li mhux biss huwa l-padrun tar-raħal tas-Siġġiewi iżda tul iż-żmien sar ukoll Missier il-Milied wara li ħa r-reputazzjoni li kien iqassam ir-rigali bil-moħbi fis-satra tal-lejl, fosthom lil tliet tfajliet fqar li minflok ħallihom jitlajjaw, tahom borża bil-flus li ppermetitlhom li jiżżewġu.

Lebsin ta’ abbatini u qassisin, it-tfal ħadu sehem f’purċissjoni bi statwa ċkejkna ta’ San Nikola li telqet mill-iskola primarja u laħqet il-qofol tagħha fil-pjazza tar-raħal.

Biex ikomplu jżidu mal-ispirtu ta’ festa, iż-żewġ baned Siġġiwin akkumpanjaw il-purċissjoni b’diversi marċi brijużi.

L-Arċipriet tas-Siġġiewi Dun Joe Grech qal ma’ ONE News li San Nikola huwa l-qaddis protettur tat-tfal:

“Propju minh hekk ġiet l-idea ta’ San Nikola li huwa ħabib tat-tfal. Allura t-tfal huma l-ħbieb tiegħu u jiċċelebraw u jifirħu wkoll f’din il-festa”.

Il-purċissjoni ntemmet fil-pjazza tar-raħal quddiem il-Knisja ddedikata lil San Nikola, bl-atmosfera kienet waħda brijjuża b’ħafna mit-tfal iwaddbu l-karti lil xulxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend