Qatt rajt mitħna kbira tal-id? Għandek ċans taraha – One News

Notifiki

Qatt rajt mitħna kbira tal-id? Għandek ċans taraha

Bosta jafu u probabbli żaru t-Tempji Megalitiċi ta’ Ħal Tarxien u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Imma probabbli, ħafna inqas huma familjari mat-Tempji Megalitiċi ta’ Kordin III li jinsabu fil-viċin. Ta’ min isemmi illi t-Tempji Kordin III huma l-uniċi minn kumpless ta’ tliet tempji li nbnew fl-inħawi ta’ Kordin li baqgħu ppreservati. Illum żjarat f’dan is-sit isiru biss permezz ta’ appuntament. Madanakollu, nhar is-Sibt, 8 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex iżur dan is-sit bla ħlas.

Il-preżenza ta’ dawn l-istrutturi preistoriċi f’din iż-żona tikkonferma l-importanza tal-port fi żmien il-Perjodu Neolitiku. L-ewwel studji u skavi arkeoloġiċi fit-tliet kumplessi tat-Tempji ta’ Kordin seħħu bejn id-19 il-seklu u l-20 seklu.

Fl-1871, parti mit-Tempji Kordin II inqerdet mir-Royal Engineers sabiex jiffurmaw il-foss ta’ Corradino Lines. Fil-ħamsinijiet, prattikament ma kien għad fadal ebda traċċa tat-Tempji ta’ Kordin I u Kordin II. Jekk kien għadhom jeżistu xi fdalijiet, dawn tneħħew għal kollox meta fis-sittinijiet inbena l-qasam industrijali.

B’xorti tajba, id-destin ma riedx li t-Tempji ta’ Kordin III jintemmu bħall-oħrajn. Għalkemm is-sit intlaqat minn bomba waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, li kkaġunatlu ħsarat, il-post baqa’ ppreservat u protett minn ħajt li jdawwar il-perimetru tiegħu.

Is-sit arkeoloġiku ta’ Kordin III jikkonsisti minn żewġ tempji li għandhom ċerti karatteristiċi partikolari. Wieħed minn dawn huwa l-pavimentar tal-ġebel li jinsab fuq in-naħa ta’ quddiem, li huwa l-iktar wieħed ippreservat mit-Tempji Megalitiċi kollha. Sejba oħra mhux tas-soltu hija mitħna kbira tal-id magħmula mill-ġebel li nstabet mixħuta quddiem id-daħla tal-apsidi tax-xellug.

It-Tempji ta’ Kordin III jinsabu bejn il-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u l-Kulleġġ tal-MCAST f’Raħal Ġdid.

F’din il-ġurnata se jsiru żjarat bi gwida: fl-10:30am bl-Ingliż, f’nofsinhar bil-Malti u fit-3.30pm bl-Ingliż.

Is-sit se jkun miftuħ bejn id-9.00am u l-5.00pm (l-aħħar dħul fl-4.30pm).

Aktar informazzjoni tinsab fis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend