Filmati: Uliedek se jkunu ggwidati aħjar dwar il-futur tagħhom – One News

Notifiki

Filmati: Uliedek se jkunu ggwidati aħjar dwar il-futur tagħhom

Fl-2017, Malta rat l-ikbar t-tnaqqis ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskejjel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, hekk kif minn 23.7% fl-2013, l-ammont ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola naqas għal 17.7%.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, esprima s-sodisfazzjon għal dan it-tnaqqis, u sostna li l-Ministeru qed iżid l-isforzi tiegħu biex anqas tfal iħallu l-bankijiet tal-iskola fi stadju bikri.

Intant, l-Erbgħa filgħodu tnieda s-sit elettroniku tal-inizjattiva edukattiva My Journey.

Is-sit http://exploremoreproject.eu/mt/ tfassal għall-istudenti biex ikunu jafu u jiksbu informazzjoni dwar il-karriera li jixtiequ jagħżlu fil-futur. Dan apparti li jkollhom servizz ta’ gwida fl-iskejjel. Il-ġenituri tal-istudenti jistgħu wkoll, mill-kumdità ta’ darhom, jiksbu informazzjoni dwar il-karriera li jixtiequ jagħżlu wliedhom. F’dan is-sit hemm ukoll filmati ta’ nies li jaħdmu f’setturi differenti, jispjegaw lill-istudenti dwar il-karriera tagħhom.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri qal li l-Gvern qed jinvesti €10 miljun f’workshops fis-skejjel sekondarji madwar Malta u Għawdex. 50 workshop se jkunu lesti sa Diċembru, biex sa Settembru tas-sena d-dieħla, ikun hemm 77 workshop.

Dan biex l-istudenti jingħataw l-opportunità jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti. Fost dawn is-suġġetti hemm it-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu, u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Midja, it-Tessuti, l-Agribusiness, ir-Retailing u l-Kura tas-Saħħa.

B’hekk, studenti li jispiċċaw mill-Form 5 u li ma jkunux iridu jkomplu l-iskola, jistgħu jkunu ppreparati aħjar għad-dinja tax-xogħol f’diversi setturi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, sejjaħ il-My Journey bħala pass li għandu l-għan li jilħaq lit-tfal kollha. Qal li kull tifel u tifla huma kapaċi għal xi ħaġa. Tenna l-ħidma tal-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex ma nħallux lit-tfal jaqgħu lura.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħazagħ, Clifton Grima, faħħar l-inizjattiva u qal li dan huwa pass pożittiv sabiex l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend