ARA: Malta tmexxi l-iffirmar ta' dikjarazzjoni konġunta għal iżjed kooperazzjoni dwar teknoloġija DLT | One News

Notifiki

ARA: Malta tmexxi l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni konġunta għal iżjed kooperazzjoni dwar teknoloġija DLT

Sitt pajjiżi tan-Naħa t’Isfel tal-Unjoni Ewropea ffirmaw dikjarazzjoni ta’ Malta dwar il-qasam tat-teknoloġija magħrufa bħala DLT, sabiex jikkoperaw flimkien dwar dan il-qasam diġitali.

Id-dikjarazzjoni ta’ Malta kienet xprutnata mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, li fisser dan il-jum bħala wieħed storiku u importanti għal Malta.

“Illum kienet ġurnata importanti u storika għall-aspett ekonomiku u diġitali f’Malta, fejn Malta, bħala l-iżgħar pajjiż, s’issa rnexxielna nikkonvinċu wkoll seba’ pajjiżi oħra li jmissu mal-Mediterran, bħal Spanja u Franza, biex jiffirmaw dikjarazzjoni li aħna qed immexxu fuq is-settur tal-blockchain u l-ekonomija diġitali”, spjega Schembri.

Din id-dikjarazzjoni hija l-ewwel tax-xorta tagħha, u hija mmexxija minn Malta, l-ewwel pajjiż fid-dinja li daħħal liġijiet li jipprovdu qafas regolatorju għal teknoloġija DLT.

Is-seba’ stati membri tal-Unjoni Ewropea li qablu li jippromwovu u jaħdmu iżjed flimkien fil-qasam tal-blockchain huma Malta, Franza, Greċja, l-Italja, Portugall, Spanja u Ċipru.

Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-ħdima li saret f’Malta se tinfirex fuq livell Ewropew biex tiġi aċċettata wkoll minn pajjiżi oħrajn.

Huwa spjega kif “din hija importanti għaliex issa, dak li qed nagħmlu m’għadux aspett lokali biss, imma ġie aspett Ewropew, u dik kienet il-mira tagħna mill-bidu nett, li fi ftit żmien inkunu nistgħu mmexxu dan is-settur fuq livell Ewropew”.

Waqt l-istess laqgħa, is-Segretarju Parlamentari ħabbar li Malta kienet ikkonfermata bħala l-pajjiż li se jospita is-Summit għall-pajjiżi tan-Naħa ta’ Isfel tal-Mediterran dwar l-ekonomija diġitali, li se jsir is-sena d-dieħla.

“Kienet opportunità tajba li nħabbru li s-sena d-dieħla ħa nkunu qegħdin nospitaw l-ewwel summit tal-MED Seven f’Malta. Dan huwa summit fejn se nkunu qegħdin nistiednu l-pajjiżi kollha, u l-counterparts Ministri tiegħi ta’ dawn il-pajjiżi, biex niddiskutu din l-ekonomija diġitali minn pajjiżna”.

Is-Segretarju Parlamentari żied li flimkien mal-Intelliġenza Artifiċjali u Internet of Things, t-teknoloġija DLT għandha l-possibilità li tirrevoluzzjona l-istil tal-ħajja, u għalhekk, huwa kruċjali li dan ir-reġjun ikun fuq quddiem nett ta’ din ir-revoluzzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend