BIL-FILMAT: “Le Grazzi, se nsuq” – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: “Le Grazzi, se nsuq”

“No thanks, I’m driving”. “Le grazzi, se nsuq.” Messaġġ skjett iżda ċar ta’ kampanja kontra x-xorb u s-sewqan.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bidu ta’ xahar li matulu jiżdiedu l-okkażjonijiet tax-xorb minħabba l-festi, ġiet ikkwotata statistika li turi kif is-sena li għaddiet, f’pajjiżna mietu sbatax-il persuna f’ inċidenti tat-traffiku.

Sal-aħħar ta’ Settembru, 16-il persuna mietu fit-toroq Maltin, u għaldaqstant l-appell biex jekk se jixrob ma ssuqx, għax ikun ta’ periklu mhux biss għalik  imma wkoll għal nies innoċenti fit-triq.

Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa, Paula Vassallo, qalet li grokk wieħed jista’ jaffettwa r-reazzjonijiet tal-persuna, xprunat minn fatturi bħas-sess, teħid ta’ mediċini, u l-konsum tal-ikel qabel ix-xorb:

“Dan jaffettwa bniedem b’mod differenti minn ieħor, xi drabi tisma lil xi ħadd jgħid lili ma jaffetwahx, imma jista’ jaffettwa lil kulħadd, anke drink wieħed jista’ jtelliflek il-konċentrazzjoni tiegħek anke bi ftit, imma dak il-ftit jista’ jagħmillek differenza bejn inċident jew le”.

Pierre Vella, mill-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq, innota li hemm bosta fatturi oħra li jistgħu jikkawżaw l-inċidenti, bħall-effetti tad-droga u l-għejja, u saħaq li l-kampanja mhix indirizzata biss lejn iż-żgħażagħ:

“Il-kultura tagħna tax-xorb hija widespread, u naħseb tajjeb li nindirizzaw ukoll lill-familji, speċjalment min qed iġorr lit-tfal tiegħu fuq wara, tgħid isma ħadt grokk, familja, imma mill-banda l-oħra rrid nara li jekk jien għandi t-tfal fuq wara, xi ħaġa li din hija liġi imma sfortunatament ma tantx nagħtu kasha, li t-tfal wara jridu jkunu liebsin is-seatbelts ukoll”.

Id-Direttur tal-Bank tad-Demm, Dr. Alex Aquilina tenna l-appell għall-għoti tad-demm.

“Għandna biżżejjed demm li jkopri l-operazzjonijiet li għandna bżonn illum, però, jekk jinqala’ inċident gravi, niġu fi problema, u dak huwa l-appell tagħna llum ma nħallux li jinqala’ inċident gravi biex nagħtu d-demm”.

Il-kampanja No Thanks, I’m Driving hija mmexxija mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet foshtom id-Dipartiment tal-Emerġenza. Is-Sur Vella spjega li “bħala kunsill, waħda mill-affarijiet pożittivi hi li niltaqgħu ma’ ħafna nies li jirrakkontaw stejjer li minnhom nippruvaw nitgħallmu, u waħda mill-affarijiet li tweġġa’ ħafna hi li inti tara lil xi ħadd jirrakkonta inċident li daħal fih intortament, u l-piena tibqa’ hemmhekk, jiġifieri ejja nippruvaw jekk nieħdu gost inkunu sihuri u dejjem ftakru li madwar kull persuna hemm familja, u din il-familja kulħadd jirrispettana u jħobbna, u dan l-isbaħ żmien li dal-mod nesprimuh”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend