Brillantini tal-kitba jħeġġu aktar kreattività fil-kitba tagħhom – One News

Notifiki

Brillantini tal-kitba jħeġġu aktar kreattività fil-kitba tagħhom

Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru u s-Sibt 1 ta’ Diċembru 2018, 50 tifel u tifla mill-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u Indipendenti Maltin u Għawdxin ħadu sehem fi programm ta’ attivitajiet tal-kitba għall-Brillantini tal-Kitba f’lukanda fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dawn l-attivitajiet kienu organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

L-attività tal-Brillantini tal-Kitba hija parti minn programm immexxi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li jħeġġeġ lit-tfal ikunu kreattivi fil-kitba tagħhom. Tfal ta’ tnax-il sena li ġabu l-ogħla marki fil-kitba kreattiva fl-eżamijiet annwali tal-Malti u l-Ingliż tas-7 sena/ Form 1 ħadu sehem f’dan l-avveniment.

L-awturi magħrufin Ingliżi, Ian Bland u Julia Golding, flimkien mal-awturi Maltin, Clare Azzopardi, Charles Casha, Carmel G Cauchi, Ivan De Battista, Rita Grech, Rita Saliba, Natasha Turner u Trevor Zahra mexxew workshops ta’ kitba u qari għat-tfal f’dan is-seminar ta’ jumejn.

L-Onorevoli Ministru Evarist Bartolo żar l-istess attività u wkoll kellu kliem ta’ tifħir għaliha:

“Ħadt gost inżur l-adolexxenti f’laqgħat dwar kitba u qari ma’ kittieba lokali u barranin f’inizjattiva tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fejn ħadu sehem l-aħjar studenti li għandna fil-kitba kreattiva. L-adolexxenti għamlu mill-bieraħ f’dawn il-laqgħat f’lukanda biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom bħala kittieba”.

L-attività tal-Brillantini tal-Kitba hija ispirata mix-Xalati ta’ Kitba li huma organizzati darba fix-xahar, mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, f’siti differenti madwar Malta u Għawdex. Matul dawn l-attivitajiet, il-familji jesperjenzaw il-proċess tal-kitba billi jingħataw l-opportunità jiddiskutu, jaqraw u jiktbu ma’ wliedhom f’atmosfera rilassanti u ta’ gost.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend