“Il-proġett tal-power station tal-gass kien l-akbar wieħed li sar f’pajjiżna”- il-PM – One News

Notifiki

“Il-proġett tal-power station tal-gass kien l-akbar wieħed li sar f’pajjiżna”- il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-proġett tal-power station tal-gass kien l-akbar proġett infrastrutturali u innovattiv li qatt sar f’pajjiżna, u dan f’ċirkostanza fejn il-Gvern Nazzjonalista kien jgħid li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma jistgħux jorħsu, u l-pajjiż lanqas jista’ jaqleb għal ġenerazzjoni tal-elettriku li taħdem bil-gass.

Il-Prim Ministru Muscat qal dan fil-Parlament, wara li fuq talba tal-Gvern bdiet tiġi diskussa mozzjoni dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-power station il-ġdida tal-gass. Dr Muscat tenna li din “filli kienet impossibbli, filli ma setgħetx issir, u issa jridu jiġu jgħidulna kien kollox miftiehem minn qabel”.

Waqt li xejjen il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li stqarr li m’għandux il-kredenzjali dwar il-qasam tal-enerġija, Dr Muscat żied jgħid li l-Oppożizzjoni kienet u għadha inkonsistenti fil-kritika tagħha dwar il-power station, għax meta saret il-proposta kienet tgħid li m’hemmx vapuri jġorru l-gass, u issa qed jgħidu li kollox kien miftiehem minn qabel:

“It-tieni parti tal-kritika tiegħu kienet li konna miftehmin minn qabel. Li kieku konna miftehmin minn qabel, ma jkun hemm lanqas bidla waħda fil-proċess kollu kemm hu, minnu nnifsu loġika ċara din”.

B’reazzjoni għall-inkonsistenzi fir-rapport tal-Awditur li kkwota l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru saħaq li l-ebda ħaġa ma setgħet tbiddel jew tfixkel ir-riżultat aħħari tal-proċess, li kkonkluda li l-aħjar għażla kienet l-Electrogas. “Minkejja dawn l-affarijiet kollha li ġew innutati min-naħa tal-NAO, l-ebda waħda minnhom ma kienet tbiddel ir-riżultat finali kollu kemm hu”, qal il-Prim Ministru.

Waqt li saħaq li l-Ministeri kollha kkoperaw mal-Awditur, għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista, Dr Muscat sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex meta jkun fil-laqgħa tal-Grupp tal-Mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew, iħollu l-ftehim strateġiku li l-Unjoni Ewopea għamlet mal-Ażerbaijan.

Dwar il-kalkoli tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru tenna li dawn kienu żbaljati għax huma mibnija fuq argument żbaljat. Saħaq li l-Gvern ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-Awditur dwar il-prezz tal-enerġija mill-interconnector, għax tħalliet barra n-nefqa kapitali ta’ €300 miljun biex sar l-interconnector. Fakkar kif bil-politika tal-enerġija li għandu l-Gvern, Malta kienet it-tieni l-iktar pajjiż li raħħas l-elettriku fl-Unjoni Ewropea.

B’reazzjoni għal dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru saħaq li persuna li qed tiġi investigata dwar ħasil ta’ flus hekk kif irrappurtat fil-midja, m’għandux il-kredenzjali biex jitkellem dwar ħasil ta’ flus. Fakkar kif “skont il-mezzi tax-xandir, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa nvestigat fuq ħasil ta’ flus. Tana priedka fuq il-ħasil tal-flus, kredibilità żero għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend