Aktar servizzi governattivi mill-mobile – One News

Notifiki

Aktar servizzi governattivi mill-mobile

Fil-jiem li għaddew, is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar nieda 26 mService ġdid. Dawk li mhumiex midħla tat-teknoloġija jistaqsu; imma dawn lili kif jinteressawni! U llum se ngħidilkom għaliex.

L-aċċessibilità ta’ servizzi governattivi minn fuq il-mowbajl taf il-bidu tagħha sentejn ilu meta dakinhar tnediet strateġija mmirata li tintroduċi dawn is-servizzi fuq il-mowbajl.

Minn dakinhar ’l hawn, is-Servizz Pubbliku, taħt il-kappa ta’ servizz.gov, nieda ’l fuq minn 70 mService fuq il-pjattaforma bl-isem ta’ maltapps. Hekk kif ġew introdotti l-ewwel mServices, aktar nies bdew jużawhom biex illum mad-90,000 persuna tagħmel użu minn dawn is-servizzi kull xahar.

Dawk li għandhom smart phone ċertament li jagħmlu użu minn dan is-servizz effiċjenti għaliex mill-kumdità tal-mowbajl tagħhom, minn fejn iridu u meta jridu, jistgħu japplikaw għal xi servizz governattiv jew ieħor. U b’effett minn nhar il-Ġimgħa li għaddiet, issa jistgħu jsiru wkoll ħlasijiet onlajn. Imma forsi dawk li t-teknoloġija tbeżżagħhom, hawnhekk qed nelenka tliet raġunijiet għaliex m’għandhiex:

  •  L-mServices iġibu magħhom immedjatezza u konvenjenza
  •  L-mServices jipprovdu l-faċilità ta’ ħlasijiet mill-app jew mis-sit innifsu
  •  L-mServices jolqtu lil kulħadd

Għal dawk li m’għandhomx konnettività fissa tal-Internet, jistgħu jaċċessaw il-WiFi li llum jinstab kważi kullimkien; fuq tal-linja waqt vjaġġ bejn post u ieħor u anke waqt l-istennija għall-vapur tal-Gozo Channel. Iniżżel l-app maltapps u hemmhekk isib lista ta’ mServices lesti li jitniżżlu fil-mowbajl tiegħu.

Ovvjament m’hemmx il-ħtieġa li jitniżżlu kollha. Wieħed jista’ jniżżel u jżomm biss dawk li jinteressaw lilu. Jiena niżżilt u żammejt l-app Kultura Malta. Din l-app tiġbor fiha l-attivitajiet kulturali kollha u tista’ anke taqta’ l-biljett onlajn. Iva daqshekk faċli. Għal min jinteressawh affarijiet oħrajn, hemm firxa wiesgħa ta’ servizzi fosthom ħlasijiet tat-taxxa, kalkulazzjonijiet ta’ benefiċċji soċjali, talba għal kondotti u saħansitra anke mServices immirati għall-bdiewa.

Għalhekk inħeġġek biex jekk qed taqra dan il-blog, tagħti daqqa t’għajn lejn dak li jinteressak u tagħmel użu minn dawn l-mServices. U jekk għandek bżonn xi għajnuna biex tagħmel dan, tista’ anke ċċempel Freephone 153.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend