RITRATTI: Il-PM jinawgura l-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa – One News

Notifiki

RITRATTI: Il-PM jinawgura l-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa

Minkejja l-Maltemp li ppersista matul il-jum, kienet ġurnata mill-isbaħ għall-lokalità ta’ Birżebbugia hekk kif ġie inawgurat grawnd tal-futbol attrezzat b’dak kollu meħtieġ għal dawk dilettanti tal-logħba tal-futbol.

Proġett minn Sport Malta li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat b’investiment ta’ ftit iktar minn żewġ miljun ewro u li jimmarka wegħda oħra mwettqa mill-Gvern.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern huwa impenjat bis-serjetà li jinvesti fil-faċilitajiet sportivi tant li din is-sena biss nefaq €13-il miljun. Dan għal kuntrarju ta’ dak li kien isir fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti, fejn kienu jintefqu madwar €5 miljun biss f’sena.

Il-Prim Ministru semma wkoll ix-xogħol li sar fil-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun. Huwa qal li l-lokalità ħaqqha dawn l-investimenti għall-inkonvenjent li jista’ jkun hemm kawża tal-port ħieles u d-distanza qrib għaż-żona industrijali ta’ Ħal Far.

Il-Prim Ministru rrimarka li dan il-Gvern iħares ‘il quddiem li jkompli jinvesti iżjed fl-isport sabiex issa Malta tibda wkoll tkun fuq ta’ quddiem f’parteċipazzjoni u riżultati pożittivi sportivi.

Il-Prim Ministru itlaqa’ wkoll mat-tfal minn nursery tal-futbol ta’ Birzebbugia li attendew għas-sessjonijiet ta’ taħriġ tagħhom ta’ tmiem il-ġimgħa.

ONE News tkellem ukoll maċ-chairman ta’ Sport Malta Luciano Busuttil fejn spjega x-xogħol li sar f’dan il-kumpless sportiv.

“Kien hemm problema fejn jidħlu livelli, kien hemm problemi anke fejn daħlet il-kostruzzjoni tiegħu, kien hemm problemi ta’ skular tal-ilma, allura ridna nkunu ċerti mija fil-mija li flus il-poplu jintefqu għal prodott tajjeb ħafna, li jkun tal-aqwa kwalità għat-tfal li se jkunu qed jużawh, u fl-aħħar mill-aħħar sabiex il-komunità ta’ Birżebbuġa, u Malta kollha prattikament, ikollha servizz li jixirqilha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan il-kumpless sportiv”.

Huwa qal li dan kien proġett minn kullana ta’ proġetti li qed jaraw id-dawl u li se jwasslu għal titjib fil-qasam sportiv. Fosthom ċentru għall-isnooker u l-pixxina ta’ Wied il-Għajn:

“Il-ġimgħa li ġejja stess se ninawguraw snooker hall. Qegħdin naħdmu fuq l-indoor pool tal-Kottonera, li issa ġie ffirmat biex jibda’ t-tieni fażi, għandna jogging track fix-Xgħajra, għandna l-kumpless tal-handball f’Marija Assumpta, il-grawnd tal-futbol ieħor f’Marsaskala, u l-Pixxina ta’ Marsaskala.”

Intant, preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni uffiċjali, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret sabiex dan il-proġett sar b’suċċess:

“Inkomplu ndakkru u nkattru l-kultura sportiva f’pajjiżna. Kultura li għanda twassal għal stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu, u fuq kollox għalfejn le li jkollna atleti li jkunu kapaċi jikkompetu mhux biss f’livell nazzjonali, iżda fuq livell internazzjonali sabiex iġibu l-unuri lejn pajjiżna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend