Ġurnaliżmu investigattiv | One News

Notifiki

Ġurnaliżmu investigattiv

Ili bid-drawwa li nsegwi l-programm Report fuq RAI 3 sa miż-żmien li kienet tmexxih Milena Gabanelli. Kien jolqotni għaliex jagħmel ġurnaliżmu investigattiv bis-serjetà, u kienu jolqtu l-musmar fuq rasu. Ma kinux jehdew bil-korniment, bil-qrejjen, bl-ilwien tal-ilbies u l-moda, u kemm dik u l-oħra hija kerha. Ma kinux joqgħodu l-anqas fuq l-għajdut imma kienu jmorru bil-mikrofonu u l-camera u jagħmlu l-mistoqsijiet, u fuq kollox iġibuhom quddiem għajnejk. 

Meta kienet telqet Milena Gabanelli stennejt li l-programm se jmur għal dahru.  Ikolli ngħid li mhux mar għal dahru għal kollox. Naqqas ftit mill-investigazzjonijiet li għandhom il-felfel, jiġifieri jaħarqu, u kultant marru fuq investigazzjonijiet interessanti imma anqas qawwija.

Nagħmluha ċara li f’Malta qatt ma kellna dan it-tip ta’ ġurnaliżmu investigattiv.  Biċċa kitba li jkun fiha allegazzjonijiet mingħajr provi,  mhux investigazzjoni. Naħseb li għandna naqblu fuq hekk. Riċentement bħala avukat ġejt imqabbad niddefendi partita nies jiġu minn xulxin  għax keinu qalu li  għandhom biċċa art l-Imqabba qed jitfgġu ż-żibel fiha. Dawn naturalment imlew rashom u ħallsu ħalli jagħmlu riċerki.  Meta morna l-Qorti,  l-Ispettur u tal-Kunsill qalu li ħarrku lilhom  “għax hekk qalulna n-nies”. Tlajna xi ħames darbiet, u fl-aħħar il-Kunsill tal-Imqabba irtira l-akkuża! Qed inġib dan l-eżempju veru għax juri li investigazzjoni ma tfissirx għajdut tan-nies.

Kont qed ngħid fuq Report ta’ RAI 3. Dan l-aħħar dan il-programm għamel investigazzjoni fuq bejgħ u negozju ta’ żjut u semma kif kienet imdaħħla l-Mafja, u fl-istess programm qalu wkoll li kollox iwassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

X’inhi l-verità, jien ma nafx x’inhi. Imma haġa tal-għaġeb li t-Times of Malta li ġġib anke dikjarazzjoni maħlula biex tixħet suspett, ma semmiet xejn fuq dak li semma programm popolari bħal dan fuq RAI 3.

Ara kieku qalu li l-Gvern Malti għandu responsabbiltà, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Imma la tixxellef dik il-kritika kontra l-gvern ikun ifisser li l-ġurnaliżmu investigattiv qed ikun mhedded.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend