Il-Gvern jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-NAO dwar il-proġett tal-power station tal-gass | One News

Notifiki

Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-NAO dwar il-proġett tal-power station tal-gass

Il-Gvern laqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti bejn il-konsorzju ElectroGas u l-Enemalta. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Ministru Konrad Mizzi qal li dawn il-konklużjonijiet iġibu għal kollox fix-xejn l-allegazzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar snin mill-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern innota li dan ir-rapport juri biċ-ċar kif l-NAO jikkonkludi li l-proċess kien wieħed komprensiv, strutturat tajjeb ħafna, u trasparenti fl-istadji kollha tiegħu. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-NAO jinnota kif l-investigazzjoni sabet biss nuqqasijiet żgħar amministrattivi li ma ħallew l-ebda impatt fuq l-għażla aħħarija tal-kuntrattur.

Bir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jerġa’ jikkonferma dak li qal il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maros Sefcovic, meta ddeskriva dan il-proġett xempju ta’ best practice f’dan il-qasam, u blueprint ta’ kif għandhom isiru proġetti simili. Il-Gvern fakkar ukoll kif din kienet it-tieni investigazzjoni separata li kkonfermat kif dan il-proċess sar b’mod serju, trasparenti u b’mod struttrat, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni Ewropea fl-eżami estensiv li għamlet fuq dan il-proġett u l-proċessi relatati miegħu, inkluż il-kuntratti kollha u l-proċess kompetittiv, a fini ta’ clearance ta’ State Aid.

Il-Gvern qal li se jkun qed jieħu nota wkoll tal-evalwazzjoni li Awditur Ġenerali għamel fuq il-prezzijiet tal-Interconnector u tal-ElectroGas f’perjodu partikolari. Żied jgħid li l-perjodu evalwat ma tax stampa reali, peress li jinkludi ż-żmien ta’ operat f’Open Cycle kif kien qiegħed jipprevedi l-kuntratt. Dan ifisser, li tul dan il-perjodu, l-impjant tal-ElectroGas kien għadu ma jaħdimx fil-kapaċità u fl-effiċjenza massima tiegħu, u allura t-tqabbil li sar mhuwiex reali.

Il-Gvern saħaq ukoll li kull evalwazzjoni korretta għandha ssir f’kuntest aktar wiesa’ u fit-tul. Apparti minn hekk, jidher li fl-analiżi tiegħu, l-Awditur Ġenerali ma’ jikkwantifikax l-effett tal-investiment kapitali fl-Interconnector, li fil-każ tal-Electrogas qiegħed inkluż fir-rata. Apparti minn dan, l-Awditur uża l-prezzijiet tal-Interconnector li xtrat l-Enemalta, u dan għamlitu f’dawk il-każijiet meta l-prezz tal-Interconnector kien wieħed irħis.

Dan ir-rapport ixejjen għal kollox ukoll il-kritika tal-Oppożizzjoni fuq numru ta’ aspetti, fosthom billi:
• Jistabillixxi il-bżonn ta’ Power Station ġdida għall-ġenerazzjoni tal-elettriku;
• Jistabilixxi li, għalkemm il-Gvern implimenta l-proġett tal-Interconnector fis-sena 2014, xorta kien hemm bżonn impjant ieħor minħabba aspetti mad-domanda tal-elettriku, ta’ reliability, u minħabba l-varjazzjoni tal-prezz tal-elettriku; u
• Ixejjen għalkollox kull forma ta’ dubju dwar il-proġett, anke dawk ta’ korruzzjoni.

Il-Gvern sostna li dan huwa proġett li biddel lill-pajjiż kemm ekonomikament, u anke minn aspett ambjentali, u li permezz tiegħu, il-Gvern ta lura €80 miljun fil-but tal-poplu Malti u Għawdxi fis-sena permezz tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl.

Dan filwaqt li ppermetta wkoll li Malta tieqaf tuża l-aktar żejt li jniġġes għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, u li jingħalqu darba għall-dejjem l-aktar impjanti antiki u li jniġġsu, fosthom il-Power Station tal-Marsa u Delimara 1.

Il-Gvern fakkar kif il-pjan fit-tul tiegħu għall-qasam tal-enerġija kien jinkludi l-introduzzjoni ta’ energy mix, li jfisser li l-pajjiż, illum għandhu numru ta’ sorsi minn fejn jista’ jixtri l-elettriku tiegħu, fosthom l-impjant tal-Electrogas, l-impjant ta Delimara 3, l-Interconnector, u l-enerġija rinnovabbli. Dan ġie approvat għal darba tnejn minn diversi Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea bħala soluzzjoni għas-sostenibbiltà u l-affordabilità tas-settur tal-enerġija ta’ pajjiżna.

Il-Gvern temm jgħid li permezz ta’ din it-trasformazzjoni, l-Enemalta m’għadhiex piż finanzjarju fuq l-ekonomija. Tant hu hekk, li minn kumpanija falluta, l-Enemalta illum qiegħda tirreġistra madwar €40 miljun qliegħ fis-sena.

Dan ukoll huwa rikonoxxut minn diversi Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, li għollew il-profil ekonomiku kemm tal-Enemalta, u kemm ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend