L-Awditur Ġenerali jikkonkludi li l-proġett tal-power station tal-gass kien serju u trasparenti fl-istadji kollha tiegħu | One News

Notifiki

L-Awditur Ġenerali jikkonkludi li l-proġett tal-power station tal-gass kien serju u trasparenti fl-istadji kollha tiegħu


Investigazzjoni estensiva li għamel l-Awditur Ġenerali dwar il-proġett tal-power station tal-gass, ikkonfremat għal darb’oħra li l-għoti tal-kuntratt lill-konsorzju Electrogas sar b’mod serju, trasparenti, u b’mod strutturat. F’Jannar tas-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-proġett kollu tal-power station il-ġdida f’Dellimara.

L-Awditur Ġenerali beda jinvestiga dan il-proġett fuq talba tal-Oppożizzjoni f’Lulju ta’ tliet snin ilu, wara li din għamlet sensiela ta’ allegazzjonijiet. 

Ir-rapport ta’ aktar minn 500 paġna ġie ppubblikat illum fil-Parlament.  L-investigazzjoni ġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar snin mill-Oppożizzjoni, u jisħaq li l-proċess kien wieħed komprensiv u trasparenti fl-istadji kollha tiegħu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jinnota kif l-investigazzjoni sabet biss nuqqasijiet amministrattivi żgħar li ma ħallew l-ebda impatt fuq l-għażla aħħarija tal-kuntrattur.

Ir-rapport tal-Awditur mhux talli ma kkonfermax l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni dwar korruzzjoni fil-proċess, iżda jfaħħar għal bosta drabi l-mod kif tmexxa dan il-proġett, li wassal għal arja aktar nadifa u kontijiet orħos, hekk kif konfermat ilbieraħ stess mill-Eurostat.

L-Awditur jinnota wkoll, li għall-ewwel darba l-kuntratti kienu offruti lill-offerenti kollha minn qabel, bħala parti mid-dokument tat-tender.

L-uffiċċju tal-Awditur qal ukoll li l-kriterji tal-evalwazzjoni kienu b’saħħithom, ċari, ġusti u oġġettivi u li kkontribwew għal trasparenza ferm akbar matul il-proċess kollu. L-istess jgħid għall-pubblikazzjoni minn qabel ta’ dawk magħrufa bħala bid parameters.

Fl-analiżi tiegħu tal-kuntratt, l-NAO jsemmi wkoll kif evalwa fid-dettall il-mudell finanzjarju applikat fl-istadju tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-offetti li ġew sottomessi, u kkonferma r-reqqa li mxew biha l-kumitati tal-evalwazzjoni.

L-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali ssegwi proċess rigoruż ħafna mill-Kummissjoni Ewropea, li warrbet kull dubju li seta’ kien hemm fuq il-proġett, u tat ċertezza legali li l-affarijiet saru skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat.

Fil-fatt, ir-rapport tal-Awditur ikkonferema dak li qal il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maros Sefcovic, meta ddeskriva dan il-proġett bħala xempju ta’ best practice ta’ kif għandhom isiru proġetti simili. Dan kif ikkonfermat mill-Kummissjoni Ewropea fl-eżami estensiv li għamlet fuq dan il-proġett, u l-proċessi relatati miegħu, inkluż il-kuntratti kollha u l-proċess kompetittiv.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend