Miriam Dalli tippreżenta ħames prijoritajiet fil-qasam tal-migrazzjoni   – One News

Notifiki

Miriam Dalli tippreżenta ħames prijoritajiet fil-qasam tal-migrazzjoni  

 

Il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabiltà huma fost il-prijoritajiet tal-Ewroparlamentari Maltija Miriam Dalli, biex l-Unjoni Ewropeja tasal għal sitwazzjoni fejn tkun qed twettaq dak li twiegħed hemm bżonn ta’ miri u miżuri ċari fir-regolamenti li jistabilixxu l-fondi li jitħaddmu madwar l-iStati Membri kollha.

L-MEP Maltija Miriam Dalli qalet dan matul il-preżentazzjoni tar-rapport tagħha dwar liġi li tirregola l-użu ta’ aktar minn €10 biljun dwar l-Migrazzjoni u l-Ażil.

“L-għan ta’ din il-liġi li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea huwa li jkollna budget li jintuża biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet li jinħolqu mill-migrazzjoni, inkluż is-sistema tal-ażil u inklużjoni soċjali. Għalhekk, irrid nara li permezz ta’ din il-liġi, il-pajjiżi Ewropej jkollhom l-appoġġ meħtieġ fil-ħidma tagħhom u fil-miżuri li jimplimentaw,” qalet Dr Dalli.

Miriam Dalli intgħażlet biex tinnegozja din il-liġi f’isem il-Parlament Ewropew. Bħala rapporteur, hija għarfet ħames prijoritajiet: il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabiltà, it-tisħiħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, il-ħolqien ta’ rotot legali, soċjetajiet inklussivi u politika sostenibbli dwar ir-ritorn ta’ persuni li m’għandhomx dritt joqgħodu fl-UE.

Fil-preżentazzjoni tagħha lill-kumitat tal-Parlament Ewropew għal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern  (LIBE), Dalli saħqet li l-migrazzjoni irregolari mhix sfida li għandha tiġi indirizzata minn ftit pajjiżi biss. Din hija sfida komuni għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. “Għalhekk huwa importanti li b’din il-liġi nagħrfu r-realtajiet differenti u nagħmlu minn kollox biex nilħqu l-bilanċ bejn li noffru l-protezzjoni lil min għandu bżonn u s-sostenn lill-pajjiżi biex iwettqu politika ta’ migrazzjoni ġusta.”

Fil-qafas tar-rapport tal-MPE Dalli hemm il-proposta li għal għanijiet prinċipali jiġu allokati ċifri minimi biex b’hekk jiġi żgurat li l-fond jilħaq l-objettiv tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend