Min kien Bernardo Bertolucci? | One News

Notifiki

Min kien Bernardo Bertolucci?

Id-direttur Taljan, Bernardo Bertolucci, li tana l-film epiku “The Last Emperor”, li rebaħ 9 Oscars inkluż għall-aħjar film u direzzjoni, ħalliena fil-għomor ta’ 77 sena. 

Permezz tal-films bħall-kontroversjali “Last Tango In Paris” li fih deher Marlon Brando flimkien ma’ Maria Schneider (film li kien inżamm milli jintwera f’Malta) u films oħra bħal “Il Conformista” kienu ta’ ispirazzjoni kbira għal diversi diretturi oħra.  Diretturi bħal Steven Spielberg, Martin Scorsese u Francis Ford Coppola kienu ammettew li kienu nfluwenzati mill-films ta’ Bertolucci, partikolarment “Il Conformista”.

Bertolucci irnexxielu jaħdem kemm f’pajjiżu kif ukoll f’Hollywood, imma r-relazzjoni tiegħu mal-istudios il-kbar Amerikani dejjem kienet waħda mqallba.  Bertolucci ma tantx kien wieħed li jaċċetta indħil.  Huwa kien jippreferi jipproġetta fil-films tiegħu dak li kien iħoss ġo fih.

Il-kapulavur tiegħu jibqa’ “The Last Emperor”, ispirat mill-awtobijografija ta’ l-aħħar Imperatur Ċiniż, Pu Yi (parti maħduma minn John Lone meta jikber) kien rebaħ kull kategorija li fiha kien innominat.  Bertolucci sar u għadu l-uniku Taljan li rebaħ l-Oscar bħala l-aħjar direttur.  “The Lst Emperor” kien l-ewwel film epiku maħdum mid-dinja tal-Punent li sab il-koperazzjoni tal-gvern Ċiniż.

Imwieled fis-16 ta’ Marzu, 1941, hu beda bħala assistent ta’ direttur ieħor magħruf Taljan, Pier Paolo Pasolini, li kien kontroversjali ukoll.

Bertolucci kien l-aktar kontroversja meta ħadem “Last Tango in Paris” li ħareġ fl-1972.  Il-kontroversja kompliet tikber meta xi ġurnali allegaw, li Bertolucci u Marlon Brando kienu ikkonfoffaw bejniethom u ma qalux minn qabel lil Maria Schneider bix-xena ta’ stupru.

Bernardo Bertolucci insista li din ix-xniegħa inqalgħet meta ġie misinterpritat waqt intervista, fejn id-direttur qal li Schneider ma kienitx biss taf li kien ser jintuża il-butir għal din ix-xena.  Bertolucci u Brando riedu jaraw u jiffilmjaw l-espressjoni fuq wiċċ l-attriċi malli ssir taf.  Mill-bqija Bertolucci insista li Schneider kienat taf mill-bidu nett li l-film kien ser ikollu x-xena ta’ stupru u li din kienet ser tkun ċentrali għall-film.

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend