BIL-FILMAT: "Se nitilfu alleat" – Il-PM wara s-summit dwar BREXIT | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: “Se nitilfu alleat” – Il-PM wara s-summit dwar BREXIT

Il-mexxejja Ewropej approvaw l-ftehim dwar Brexit li mistenni jara lir-Renju Unit jinħall minn mal-Unjoni Ewropea f’Marzu li ġej. Ftit tal-minuti wara li l-mexxejja Ewropej laħqu dan il-qbil, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bi Brexit, Malta se tkun qed titlef alleat fl-Unjoni Ewropea. Huwa sostna li “madwar il-mejda se nitilfu alleat li matul iż-żmien kemm ilna fl-Unjoni Ewropea dejjem konna fl-istess paġna fuq ħafna affarijiet speċjalment fin-naħa finanzjarja u ekonomika.”

Fi Brussell, Dr. Muscat irrimarka wkoll li l-approvazzjoni kollettiva ta’ dan il-ftehim hija turija ta’ għaqda. Fisser li permezz ta’ dan il-ftehim, oqsma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi bħal dak tas-saħħa mhux se jiġu affetwati. Fid-dawl li sa ftit tal-jiem qabel, kien hemm tħassib dwar il-ftehim wara li Spanja ressqet l-oġġezzjonijiet tagħha minħabba Ġibiltà, il-Prim Ministru rrimarka għal maturità li biha mxew il-mexxejja kollha tal-istati membri. Dwar dan il-Prim Ministru qal li “in-negozjati saru fuq medda ferm itwal u llum kien ċar li ġejna hawnekk mhux biex ninnegozjaw iżda biex nikkonkludu”.

Il-Prim Ministru tenna wkoll li dan huwa jum ta’ dieqa għal Malta, r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea madankollu sostna kif il-ftehim milħuq huwa l-aqwa wieħed li seta’ jintlaħaq għall-ġid ta’ kulħadd. Huwa qal li “mhemm l-ebda lok għal ċelebrazzjoni. illum mhux ġurnata sabiħa għall-Unjoni Ewropea, mhux ġurnata sabiħa fil-fehma tiegħi għar-Renju Unit, imma dak iddeċidih il-poplu tar-Renju Unit u mhux ġurnata sabiħa lanqas għal Malta.”

F’konferenza tal-aħbarijiet wara dan is-summit storiku, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li dan huwa l-aħjar u l-uniku ftehim li qatt seta’ jintlaħaq għall-ġid tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Issa jmiss lir-Renju Unit li japprova dan il-ftehim mill-Parlament Ingliż, bil-Prim Ministru Ingliż Theresa May tisħaq li l-poplu tar-Renju Unit ma jridx iqatta’ aktar ħin jargumenta dwar Brexit iżda jimxi ‘l quddiem. Bħalissa May qed ikollha tħabbat wiċċha ma kritika qawwija interna hekk kif ħafna deputati qed jgħidu li hija kienet kostretta ċċedi għall-pressjoni tal-Unjoni Ewropea. Filfatt l-Ewwel Ministru Skoċċiż Nicola Sturgeon qalet ukoll li dan il-ftehim huwa frott tar-ras iebsa ta’ May u appellat lill-membri parlamentari Ingliżi sabiex jivvotaw kontra dan il-ftehim. Tal-istess ħsieb huwa l-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn li ddikjara pubblikament li l-Partit Laburista Ingliż se jkun qed jivvota kontra dan il-ftehim.

Filmat: PBS

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend