Ministeri u entitajiet tal-Gvern se jibdew isegwu gwida speċifika li tħares l-ambjent – One News

Ministeri u entitajiet tal-Gvern se jibdew isegwu gwida speċifika li tħares l-ambjent

Ġiet imnedija Strateġija Nazzjonali li permezz tagħha se jkun hemm titjib ambjentali fil-prodotti u s-servizzi li jixtri l-gvern, jew inkella f’dak imsejjaħ procurement tal-gvern.  L-istrateġija, imfassla mill-Ministeru għall-Ambjent, tnediet il-Ħamis, u l-konsultazzjoni pubblika mistennija tibqa għaddejja sat-22 ta’ Diċembru li ġej.

Ladarba din l-istrateġija tiġi finalizzata u approvata mill-Kabinett tidħol fis-seħħ b’mod immedjat u tieħu post oħra li ddaħlet fl-2012.  Id-Direttur Ambjentali, Ruth Debrincat Tabone, li kienet fost dawk li fasslet din l-istrateġija, qalet li din għandha l-għan ewlieni li sal-2025, 90% tat-tenders li joħroġ il-Gvern u l-entitajiet tiegħu jkollom miżuri ambjentali:

“Jiġifieri permezz tas-sejħiet għall-offerti tal-Ministeri u l-Entitajiet Pubbliċi se innaqsu aktar l-impatt ambjentali. Dan se nagħmluh bis-circular procurment li jenfassizza l-manutenzjoni u anke r-riċiklaġġ tal-prodotti biex dejjem intawwlu l-life span tagħhom”.

Iżda din l-istrateġija se tara li l-prodotti u s-servizzi ġodda li jixtri l-Gvern ukoll ikollhom lanqas impatt ambjentali:

“Nieħdu eżempju, kriterja minnhom se tkun li jiġi mnaqqas l-ippakkjar tal-plastik fl-avvenimenti li jiġu organizzati mill-Ministeri u l-entitajiet kollha”

Intant, fl-ewwel pjan tal-Gvern għal titjib ambjentali li ddaħħal fl-2012 kienu 50% tat-tenders tal-Gvern li nħarġu li leħqu l-miri ambjentali, u li dan tela’ għal 63% fl-2017. Madankollu dan mistenni jibqa’ tiela’:

“Il-Gvern huwa l-akbar xerrej kemm ta’ affarijiet u ta’ servizzi fil-pajjiż aktar minn 25% u allura jekk nolqtu lill-Gvern u l-entitajiet tiegħu nkunu qed nagħmlu mpatt kbir fil-pajjiż, dawn il-miżuri huma immirati lejn l-ekonomija ċirkolari”.

Fost il-miżuri l-ġodda li jinkludi dan il-pjan hemm prodotti li jwasslu għall-użu aħjar tal-ilma, u disinn aħjar tal-uffiċini b’iżjed effiċenza fl-enerġija fost oħrajn.

Dan il-pjan se jkun ukoll mgħoddi lill-Kunsilli Lokali sabiex huma wkoll jimxu miegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *