Lejn riforma dwar kif joperaw is-swieq fil-beraħ | One News

Notifiki

Lejn riforma dwar kif joperaw is-swieq fil-beraħ

Tnediet il-White Paper għal riforma tas-swieq fil-beraħ, li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika ghat-tliet ġimgħat li ġejjin, sal-14 ta’ Diċembru. F’pajjiżna hawn 21 suq fil-beraħ li għandhom bejniethom mal-1,600 post. L-għan tal-White Paper hu li toħloq bilanċ bejn l-interessi tal-bejjiegħa, tal-konsumaturi u tar-residenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Chris Cardona nnota kif swieq fil-beraħ, magħrufa anke bħala tal-monti, għal snin twal ingħataw il-ġenb mill-awtoritajiet, u l-potenzjal sħiħ tagħhom qatt ma ntlaħaq:

“Hija White Paper li permezz tagħha se niddiskutu mal-istakeholders kollha t-tfassil u l-ideat li għandna aħna bħala gvern biex nirriformaw kif joperaw il-monti, u anke nilliberalizzaw ċertu aspetti li żammew lill-operaturi tal-monti milli javvanzaw fl-intrapriża tagħhom”.

Din il-White Paper tipproponi li jitwaqqaf bord dwar is-swieq li fost oħrajn se jkollu d-dmir li jirċievi l-ilmenti, iċ-ċaqliq tal-iswieq u jissorvelja x-xogħol ta’ awtoritajiet tal-infurzar differenti.

Il-White Paper tipproponi wkoll bidliet fil-proċedura ta’ kif jinħarġu l-liċenzji u jiġu allokati l-ispazji għal kull bejjiegħ.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis saħaq li s-swieq huma parti mill-kultura tagħna, u fakkar li għal din il-White paper se ssir konsultazzjoni wiesgħa:

“Qed nippruvaw li nirregolaw, kulħadd ikun jaf x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu. U b’hekk naħseb se nkunu qed ngħinu lill-Kunsilli Lokali, li se jsibu regoli fejn jidħlu s-swieq, u b’hekk nappella lir-residenti fejn hemm is-swieq biex jipparteċipaw f’din il-White Paper, jaraw x’jixtiequ, xi jdejjaqhom biex fil-jiem li ħejjin titla kabinett, u wara kabinett tkun tista’ titla’ Parlament u ssir parti minn liġi biex tgħin il-Kunsilli Lokali”.

Temm jgħid li l-Kunsilli Lokali qegħdin f’mixja ta’ riforma u organizzazzjoni, u fakkar li din il-miżura hi mmirata biex ikun hemm iktar ordni fejn ikun hemm is-swieq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend