Imħabbra kompetizzjoni internazzjonali tal-Esports f’Malta – One News

Notifiki

Imħabbra kompetizzjoni internazzjonali tal-Esports f’Malta

Bejn id-29 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru, pajjiżna se jilqa’ l-avveniment Supernova Counter Strike Global Offensive. Tournament ta’ livell internazzjonali tal-Esports li se tiġbed lejn pajjiżna tmien timijiet min tmien pajjiżi li se jikkompetu biex jingħataw l-unur tar-rebbieħa Supernova.

Tul dan it-tmiem il-ġimgħa se jintrebħu $150,000. Il-logħba li se tkun fiċ-ċentru ta’ din il-kompetizzjoni hija propju Counter Strike – Global Offensive, fejn il-kompetituri jidħlu f’dinja virtwali fejn l-għan tagħhom huwa li jeliminaw lill-kompetizzjoni tagħhom

Fit-tnedija ta’ din il-kompetizzjoni, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri nnota kif dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ li Malta għandha l-kredenzjali kollha biex tkun l-aqwa u ta’ klassi għolja fejn jidħlu attivitajiet bħal din li jgħaqqdu t-teknoloġija diġitali mal-qasam tal-isport.

Innota wkoll kif il-fatt li l-Eden Leisure Group, wieħed mill-akbar gruppi tad-divertiment f’pajjiżna, qed jinvesti fis-settur tal-esports, huwa prova ċara ta’ kemm l-istrateġija tal-Gvern, li jagħti spinta lil setturi ġodda fl-industrija tal-logħob diġitali, qed tagħti l-frott mixtieq.

Żied jgħid li hemm ammont sostanzjali allokat fil-baġit ta’ pajjiżna għal ħidma f’dan is-settur, u qed titfassal strateġija għal Esports, niċċa ekonomika ġdida li l-Gvern jemmen li tista’ tkun ta’ kontribut għall-ekosistema ta’ pajjiżna u għall-industrija tal-gaming b’mod inġenerali f’pajjiżna. Tenna li l-interess lejn pajjiżna qiegħed hemm u jista’ jikber, b’riżultat ta’ ħolqien ta’ iżjed impjiegi.

Għaldaqstant għal din l-attività se jkunu mistiedna numru ta’ studenti minn għadd ta’ skejjel biex jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ taħriġ ħalli jesperjenzaw ix-xoghol li jsir minn wara l-kwinti biex jittella’ tornew ta’ livell internazzjonali bħal dan.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend