Il-Musicals għadhom popolari! – One News

Notifiki

Il-Musicals għadhom popolari!

Fis-snin imgħoddija, il-musicals kienu popolari ħafna u Hollywood kien jagħmel minn kollox biex, fost l-oħrajn, jaqbad l-aqwa produzzjonijiet mużikali fuq Broadway biex jikkonvertihom għal fuq il-liżar ċinematografiku bl-akbar stravaganza possibbli.

Min jista’ jinsa’ musicals bħal “Singin’ In the Rain” (1952), “West Side Story” (1961), “The Wizard of Oz” (1939), “The Sound of Music” (1965), “Mary Poppins” (1964), “My Fair Lady” (1964), “The King and I” (1956) u tant oħrajn.

Imbagħad il-musicals qieshom sparixxew.  Imma meta joħroġ xi wieħed, dejjem jirnexxu, speċjalment magħna l-Maltin.  Min jista’ jinsa’ s-suċċess fenominali li kellu s-sena l-oħra “Beauty and the Beast”, tant li skont l-NSO marru jarawh mal-64,000 u spiċċa l-film tas-sena.

Din is-sena kellna xalata ta’ musicals li kollha marru tajjeb.  Bdejna s-sena b’“The Greatest Showman” li għamel ġimgħatejn l-aktar film popolari mal-Maltin.  Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju ħareġ “Mamma Mia! Here We Go Again” fejn reġgħet spikkat il-mużika tal-ABBA.  Minkejja n-nuqqas li nħass ta’ Meryl Streep, il-film għamel seba’ ġimgħat fil-quċċata tal-box office lokali.  Patta xi ftit bil-preżenza ta’ Cher li kantat (flimkien ma’ Andy Garcia), il-kanzunetta ‘Fernando’.  Cher kellha tidher ukoll fl-ewwel film li rajna għaxar snin ilu imma dak in-nhar kienet irrifjutat il-parti.

Issa f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna “Bohemian Rhapsody” li fakkarna fil-kobor ta’ Freddie Mercury u sħabu tal-grupp maġiku Queen.  Issa ilu erba’ ġimgħat fil-quċċata tal-popolarità magħna l-Maltin u probabbli jdum aktar fost il-films li jmorru jarawh l-aktar. 

Il-film kollu hu tajjeb imma l-aħħar nofs siegħa hi ta barra minn hawn.  Jibda bil-mod sentimentali meta Freddie Mercury (parti maħduma b’ħila kbira minn Rami Malek) jgħid li għandu l-AIDS lil Brian, Roger u John Deacon.  Imbagħad tiġi sekwenza twila waqt il-kunċert Live Aid li sar fl-1985 fil-Wembley Stadium ta’ Londra.  X’ħin Freddie Mercury jitla’ fuq il-palk quddiem dawk l-eluf ta’ nies u jibda jkanta dawk il-kanzunetti mmortali, l-film iħallik bla nifs.

Issorprindieni ftit “A Star Is Born” li stennejtu li jmur aħjar mal-pubbliku Malti.  Emozzjonalment, il-film hu b’saħħtu.  Għandu mumenti eċċitanti u jibni ħafna lejn il-kanzunetta The Shallow li Lady Gaga tkanta ma’ Bradley Cooper (li dderieġa minbarra li għandu parti prinċipali).

Daqshekk musicals għal din is-sena?  Le.  Tonqos iċ-ċirasa fuq il-kejk – “Mary Poppins Returns” li għandu joħroġ fil-21 ta’ Diċembru.  Tgħid ser ikun tajjeb daqs il-film klassiku ta’ 54 sena ilu.  Anzjuż li narah.  Għandu soundtrack ġdid.  Għandu sfida kbira biex jissupera kanzunetti bħal A Spoonful of Sugar u l-famuża Supercalifragilisticexpialidocious.

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend