Il-K.E. tapprova l-baġit ta’ Malta għas-sena d-dieħla – One News

Notifiki

Il-K.E. tapprova l-baġit ta’ Malta għas-sena d-dieħla

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-baġit ta’ Malta għas-sena d-dieħla. Dan wara li sabet lis-seba’ baġit ta’ Gvern Laburista, konformi mal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà taż-żona Ewro.

Bħalma jiġri kull sena, il-Kummissjoni Ewropea analizzat jekk il-baġits tal-pajjiżi membri humhiex konformi mar-regoli tal-Patt, li fost l-oħrajn jobbligaw lill-Gvernijiet iżommu l-livell tad-dejn taħt is-60% tal-prodott domestiku gross, u d-defiċit fil-finanzi pubbliċi taħt it-3% tal-ġid maħluq mill-ekonomija.

Pajjiżna huwa wieħed mill-għaxar stati membri li għaddew minn dan it-test fiskali, bl-oħrajn huma l-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija u l-Finlandja.

Tliet pajjiżi oħra kienu ġeneralment konformi mar-regoli, filwaqt li ħames pajjiżi ġew mitluba jirrevedu l-pjan tagħhom għax jinsabu f’riskju li ma jkunux konformi.

L-Estonja, il-Latvja u s-Slovakkja, ppreżentaw baġits li skont il-Kummissjoni Ewropea, huma ġeneralment konformi – għalkemm huma f’riskju li jirriżultaw f’xi devjazzjonijiet mill-miri baġitarji.

Il-Kummissjoni Ewropea sabet il-baġits tal-Belġju, ta’ Franza, tal-Portugall u tal-Islovenja, ta’ riskju u mhux konformi mal-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà taż-żona Ewro għall-2019.

Fil-każ tal-Italja, il-Kummissjoni Ewropea tat ċanfira u ħadet l-ewwel passi kontra l-baġit nazzjonali tal-pajjiż, hekk kif kompla l-battibekk fuq il-finanzi tal-Italja.

Dan wara li x-xahar li għadda, l-Unjoni Ewropea rrifjutat id-draft tal-baġit tal-Italja u talbet biex isirulu xi bidliet.

Madanakollu l-Italja żammet mal-pjan oriġinali, anke jekk tali pjan jikkonsisti f’miri b’ħafna spejjeż għoljin.

Jekk tibqa’ ma tittiħidx azzjoni, il-proċedura tist’ twassal għal multi kontra l-Italja. Xi ħaġa li sa issa qatt ma saret fl-ebda pajjiż fiż-żona Ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend