Malta ċampjins tal-futbol – One News

Notifiki

Malta ċampjins tal-futbol

Ċampjins, iva. Malta ċampjins tal-futbol tat-timijiet li jispiċċaw dejjem l-aħħar u li l-livell dejjem nieżel ‘l isfel. It-tim Nazzjonali tal-futbol tagħna hekk spiċċa. Ngħidha kontra qalbi, għax jien inħobb lill-pajjiżi, inħobb il-futbol u nħobb lit-tim Nazzjonali li jirrapreżenta pajjiż sħiħ.

Imma dak li huwa iswed iridu ngħidulu iswed, u dak li hu abjad, iridu ngħidulu abjad.

Fit-tim Nazzjonali għadna bil-mentalità tal-Under 5 u Under 7. ‘Morru oħorġu ilgħabu u ħudu pjaċir għax dik l-importanti’. ‘Tagħtux każ ir-rizultati, l-importanti li tieħdu sehem’. Meta se nibdew indaħħluha ġo moħħna li ma rridux nibqgħu nikkunentaw li nieħdu sehem, iżda li jkun hemm l-għatx għar-rebħ u għall-kompetizzjoni?

Ma rrid nipponta subagħja lejn ħadd. Ma rridx noqgħod inwaħħal fil-players, għax bħal dejjem kull telfa (jew dro li tkun taħseb li se tirbaħ) għandha ħafna ltiema u rebħa għandha ħafna ġenituri.

Iżda l-affarijiet iridu ngħiduhom. Mela dan il-League of Nations li bdiet il-UEFA kien intiż li jaqsam it-timijiet Nazzjonali Ewropej skont il-livelli tagħhom. Ovvjament kif wieħed jista’ jistenna u jifhem, għax ma rridx nagħti l-impressjoni li rrid ngħid li aħna missna qed niġġieldu biex nirbħu t-Tazza tad-Dinja, aħna konna fl-aħħar diviżjoni. Dawn huma timijiet li pressa o poco, huma viċin ħafna tal-livell tagħna, ovvjament ikun hemm min li jkollok din in-naqra upper hand.

Imma li nerġgħu nispiċċaw l-aħħar fi grupp ma nistax nifhimha. Konna t-tielet l-aktar tim li qala’ gowls u wieħed minn erba’ timijiet li ma rebaħx logħba waħda!

L-apolġetiċi joqgħodu jgħidulek għax il-Kosovo u l-Ażerbajġan aħjar minna. Anke Franza, l-Ingilterra, l-Italja u Spanja huma aħjar minna, le? Mela aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem jekk naspiraw li nirbħu lil min hu agħar minna biss?  U min hu agħar minna? Għax aħna tlifna wkoll kontra min nemmnu li huwa agħar minna, tlifna ma’ Ġibiltà per eżempju, tim li kellna ngħaddu minn fuqu dan …

Malta tinsab fil-183 post fir-rankings tal-FIFA minn 211. Hemm qabilna timijiet bħal Dominica, Liechtenstein, Bermuda, St.Vincent & the Grenadines, Surname, Fiji u St. Lucia. Mhux se nsaqsi fuq ġeografija, tieħdux qatgħa!

Qabel hemm timijiet li bdew jilgħabu ftit snin ilu biss.

Hemm bżonn li min imexxi l-futbol f’pajjiżna jidħol f’qoxortu u janalizza dak li qed jiġri. Jieħu stock tas-sitwazzjoni. Jifhem mhux jissupervja. Jinfetaħ mhux jingħalaq, fuq kollox jirrikonoxxi li ma nistgħux mmexxu b’knee jerk reactions iżda jrid ikun hemm pjan fit-tul, li jindirizza l-iżgħar sezzjonijiet sal-ikbar nett.

Hemm bżonn bidla radikali u mill-qiegħ nett.

Jekk kuntenti nibqgħu kif aħna, allura nibqgħu mmorru Ta’ Qali għal xi ‘partitissima’ tal-kampjonat Premier, li għaliha jkun hemm forsi 500 ruħ u nibqgħu ngħaddsu rasna fir-ramel.

Irid ikun hemm xi ħadd li jibda jifhem, li hemm bżonn pjan fit-tul. Li jkun hemm pjan kif se nsaħħu l-grassroots tagħna, in-nurseries, kif se ngħinu player li għadu żgħir biex jikber u jiżviluppa barra minn Malta, kif se ngħinu player stabilit jibda jilgħab barra, kif fuq kollox, kull min hu involut jaħdem biex ibiddel il-mentalità, għax nibqa’ ngħid u nemmen li din hija l-ikbar għadu tagħna l-Maltin. Kif se nsaħħu l-kampjonati tagħna.

Din mhux kritika distruttiva, iżda messaġġ ta’ tama li nistgħu nbiddlu l-affarijiet bis-serjetà. Lanqas huwa messaġġ ta’ xi ħadd imxaħxaħ fuq siġġu u daqshekk. Nitkellem għax kull weekend imur il-grawnd nara t-tim tiegħi, insegwi u nipprova nifhem.

Ejja ninqatgħu minn din il-medjokrità.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend