“Merkel ma kkontestatx il-perċezzjoni dejjem tikber li d-deċiżjonijiet tal-UE jiddependu mill-Ġermanja” – Alfred Sant – One News

Notifiki

“Merkel ma kkontestatx il-perċezzjoni dejjem tikber li d-deċiżjonijiet tal-UE jiddependu mill-Ġermanja” – Alfred Sant

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel ma merietx il-perċezzjoni li dejjem qed tikber li ħafna mid-deċiżjonijiet tal-UE iseħħu jekk taqbel il-Ġermanja. Dr Sant kien qed jirreaġixxi għall-indirizz tal-Kanċilliera Ġermaniża dwar il-futur tal-Ewropa fil-Parlament Ewropew. Il-Kanċilliera Ġermaniża tkellmet dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea, ipproponiet armata Ewropea u baġit għaż-żona ewro u anki qajmet il-kwistjoni tal-pressjoni tal-immigrazzjoni, li enfasizzat hija problema Ewropea.

“Fid-diskors tagħha, il-Kanċilliera Ġermaniża Merkel kienet ċara bħas-soltu iżda ma rnexxilhiex tiċċara l-bażi tal-prijoritajiet tagħha għall-futur tal-Ewropa.” qal Alfred Sant.

L-MEP Malti qal li bejn it-tliet oqsma li semmiet il-Kanċilliera Ġermaniża għal aktar għaqda fl-Ewropa, kien hemm id-difiża militari u s-sigurta`.

“Imma liema huwa t-theddid militari mdendel fuq l-Ewropa? U jekk jeżisti, għaliex sakemm mexxiet il-Ġermanji hi, l-infiq Ġermaniż fil-militar kien anqas minn ta’ pajjiżi Ewropej oħra. Tabilħaqq, hemm xi appoġġ mhux ikkontestat fost iċ-ċittadini Ewropej għal koalizzjoni militari li tkun iffinanzjata mir-riżorsi baġitarji tal-UE? Li tinbena l-hekk imsejħa kapaċita` ta’ difiża Ewropea huwa mod ġust biex tissawwar l-għaqda fl-Ewropa biex tiġġieled kontra l-entużjażmu li qed jisparixxi għal proġett Ewropew? Niddubita. Ma jkunx aħjar għal UE li tikkonċentra u tikkoordina miżuri ta’ sigurta` fi ħdan l-Unjoni li jkopru t-terroriżmu, l-immigrazzjoni u l-għassa għal kriminalita` organizzata?”

Dr Sant irrefera wkoll għall-kummenti ta’ Merkel dwar il-problemi tal-immigrazzjoni.

“Il-problemi tal-immigrazzjoni ma aggravawx fuq livell Ewropew bid-deċiżjonijiet li ħadet Merkel waħedha meta mingħajr ebda konsultazzjoni fetħet il-fruntieri fl-2015?” irrimarka Alfred Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend