Filmat: "Din il-ġimgħa nibnuha, għax irridu nibdew nippreparaw għall-festa"- il-kap tal-kamra tan-nar ta' Ħal Għaxaq | One News

Notifiki

Filmat: “Din il-ġimgħa nibnuha, għax irridu nibdew nippreparaw għall-festa”- il-kap tal-kamra tan-nar ta’ Ħal Għaxaq

Ħadd ma weġġa’ fi splużjoni fil-kamra tan-nar ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq, fiż-żona magħrufa bħal ta’ Ħaxlun.

L-isplużjoni kienet waħda qawwija tant li heżżet lir-raħal ta’ Ħal Għaxaq u nstemgħet ukoll minn diversi rħula fil-madwar. Evidenti kienet id-daħna kbira li ħarġet minn dan il-kumpless għal ħabta tas-01:00.

Fuq il-post marru membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex neħħew kull periklu li kien hemm kawża tal-isplużjoni kif ukoll issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei. 

 

L-għada tal-isplużjoni, crew ta’ ONE News mar ful-post u sab lil membri tal-kamra mmexxija mis-Sur Charles Azzopardi jnaddfu dak li ħalliet warajha l-isplużjoni.

Huwa spjega li hu u l-membri jaħsbu li “saret xi reazzjoni kemikali fejn inżommu t-taħlit tal-kulur, għaliex hemmhekk saret l-isplużjoni. Fil-fatt waqgħet il-kamra bħalma qed taraw u qabad it-taħlit li kien hemm u l-kmamar l-oħra baqgħu intatti”.

Is-Sur Azzopardi qal kif minkejja li nqerdet parti minn dan il-kumpless, il-ħidma tibqa’ għaddejja b’mod normali:

“Tkompli normal, fejn nistgħu naħdmu, imma din il-ġimgħa nibnuha għax irridu nibdew għall-festa biex inħalltu l-kulur”.

Huwa ta ħajr lil Santa Marija għall-fatt li l-ebda persuna ma weġgħet f’dan l-inċident.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tal-ħames distrett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend