1,077 Malti jiksbu servizzi f'żoni remoti | One News

Notifiki

1,077 Malti jiksbu servizzi f’żoni remoti

L-idea nibtet fl-1969 fl-ewwel konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta, u saret realtà f’Mejju ta’ sentejn ilu. Qed nitkellmu dwar is-servizz ta’ Consul of the Move, fejn Maltin li jgħixu f’żoni remoti barra minn xtutna jingħataw is-servizzi konsolari bħal passaporti u ċittadinanza. Servizz li diġà għamlu użu minnu elf u sebgħa u sebgħin persuna.

Spjegalna iżjed dwar dan id-Direttur tad-Direttorat għal Maltin li jgħixu barra minn Malta, Dr Raymond Xerri fi tmiem il-laqgħa annwali tal-Kunsill:

“Uffiċjal Malti mill-korp diplomatiku, imur f’postijiet remoti fejn jgħixu l-Maltin, flok ma huma jmorru fil-kapitali u jonfqu ħafna flus ħabba vjaġġar, ikel, trasport, eċċ, u joffri s-servizzi kollha konsulari li hemm bżonn f’dawn il-postijiet remoti.”

B’hekk ċittadini Maltin jiffrankaw ħafna skariġġ għal dawn is-servizzi.

Dr Xerri qal li l-Kunsill jiġbor fi ħdanu rappreżentanza minn diversi pajjiżi fosthom l-Awstralja, il-Kanada, l-Unjoni Ewropea u l-Emirati Għarab Magħquda:

“Għandna taħlita ta’ anzjani, u anke żgħażagħ, saħansitra sar-raba’ ġenerazzjoni. Jiġifieri l-kunsill kompost biex jirrefletti r-realtà mad-dinja ta’ Maltin li jgħixu barra minn pajjiżna.”

Il-Kunsill u d-Direttorat, jipproponu u jmexxu ’l quddiem bidliet biex jitħarsu u jippromwovu d-drittijiet tal-Maltin li jgħixu barra:

“Relatat maċ-ċittadinanza, mal-pensjonanti, studenti tal-Università, kwistjonijiet ta’ karti tal-identità, kwistjoni tad-dritt tal-vot, biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-sistema tagħna wkoll.”

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela nnota l-interess qawwi għal parteċipazzjoni f’dan il-kunsill, u ħares ’il quddiem biex f’ħidma konġunta naslu għall-Malta Globali li toffri opportunitajiet lil uliedha f’pajjiżna u lil hinn minnu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend