Mhux esklużi proċeduri legali wara t-tiġrif tal-binja fl-Imrieħel – One News

Mhux esklużi proċeduri legali wara t-tiġrif tal-binja fl-Imrieħel

L-għada li ġġarrfet binja fiż-żona industrijali tal-Imrieħel, fuq il-post issoktat il-ħidma minn ħaddiema ta’ kuntrattur ewlieni biex jitneħħa kull periklu li seta’ baqa’.

Minkejja li x-xita m’għenet xejn biex jitneħħa l-periklu, il-ħaddiema dehru jaħdmu f’ġirja kontra l-ħin biex ilestu x-xogħol meħtieg biex ikunu jistgħu jibdew it-tiswijiet.

Hu mifhum li fil-jiem li ġejjin il-periti se jkunu fuq il-post u jidentifikaw x’wassal għat-tiġrif tal-binja u x’miżuri għandhom jittieħdu biex jonqos il-periklu li jeżisti.

Filfatt sorsi fuq il-post qalu lil dan l-istazzjon li jeħtieġ titwaqqa’ biċċa oħra mill-binja filwaqt li s-sit jitgħatta bi plastik apposta.

Fuq il-post stajna naraw is-sid tal-Homemate li għalkemm għażel li ma jagħtix kummenti fuq il-kamera, saħaq li hemm spejjeż kbar.

Is-sid li l-maħżen tiegħu wkoll intlaqat wara li l-ewwel waqa’ parti mis-saqaf ta’ stabbiliment tat-twapet, spjega li għadu kmieni biex jistma l-ħsara li saret u l-ispejjeż marbuta magħha.

Huwa ma eskludiex li jiftaħ proċeduri legali kontra l-kuntrattur li kien qed iħaffer fit-tafal sabiex jitniżżlu kolonni tal-konkos l’ isfel mill-livell tal-art.

Dan filwaqt li nies oħra allegaw li l-binja li ġġarfet qatt ma kienet mibnija fuq art soda għax l-art hija taflija.

Kien il-Ġimgħa wara nofsinhar li nies li nzertaw fil-ħanut tat-twapet semgħu bħal ħoss kbir bħal wieħed qed ikaxkar ammont kbir ta’ ħadid fit-triq; flimkien ma theżżiża.

Imbagħad raw ħajt kbir nieżel fuq art li fuqha qed isiru xi xogħolijiet ta’ kostruzzjoni.

Dan kollu kien determinanti biex in-nies li kienu fil-ħanut ħarġu jiġru fil-ħin u b’hekk ma weġġa’ ħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss