Issa, kif inhi l-burdata f’Westminster? – One News

Issa, kif inhi l-burdata f’Westminster?

Ministri tal-Gvern Ingliż inqaflu għal sigħat sħaħ f’Downing Street ilbieraħ qabel mal-Prim Minsitru Theresa May ħabbret li se jappoġġjaw l-abbozz tagħha dwar Brexit. Abbozz ta’ 585 paġna.

Il-Prim Ministru Ingliż indirizzat lill-midja waħedha, waqt li membri oħra tal-gvern baqgħu ġewwa. 

Analiżi dettaljata ta’ dan minn edituri ta’ Sky News tinnota li hekk kif wieħed wieħed, il-kabinett tagħha ħareġ minn No.10, in-narrattiva dehret xi ftit differenti. Kien imfakkar kif minn tal-anqas 10 ministri opponew għall-abbozz ta’ May, allura, wieħed jista’ jassumi li May kisbet appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Gvern aktar milli appoġġ unanimu.

Kien hemm min ħeġġiġha tmur lura Brussell u titlob aktar mill-Unjoni Ewropea, fosthom dwar il-qasam tas-sajd u l-qasam marittimu. Kien hemm min ried free-vote dwar l-appoġġ li kien lest jagħti lil dan l-abbozz.

Issa jidher li l-burdata f’Westminster hija agħar milli qatt kienet, u qed jistennew minn ħin għall-ieħor għall-ewwel riżenja.

Kif imwiegħed, l-abbozz se jħares id-drittijiet ta’ ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit, u viċi versa. Dawk l-Ewropej li ilhom ħames snin jew aktar fir-Renju Unit se jkollhom id-dritt li jibqgħu fir-Renju Unit flimkien mal-familji tagħhom. Se jgawdu wkoll minn trattament ugwali daqs li kieku kienu ċittadini Ingliżi huma stess.

Iżda, l-istat mhux obbligat li joffri għajnuna soċjali f’ċertu żoni, u persuni li għadhom mhux residenti permanenti mhux se jkollhom id-dritt għal self mill-banek, jew għal benefiċċji tal-istudenti.

L-abbozz itemm id-dritt għall-moviment ħieles, iżda wieħed se jkun jista’ jivvjaġġa lejn stati membri Ewropej mingħajr il-bżonn ta’ viża.

May qalet li dan l-abbozz huwa frott ħidma ta’ ‘eluf ta’ sigħat’, li se jwassal il-vot tal-poplu Brittaniku. “Dan l-abbozz se jagħtina lura l-kontroll fuq flusna, fuq il-liġijiet tagħna, u fuq il-fruntieri tagħna. Se jtemm il-moviment ħieles, se jipproteġi l-impjiegi u s-sigurtà tagħna”, qalet il-Prim Ministru Ingliż.

In-Negozjatur Ewlieni dwar Brexit għall-Unjoni Ewropea, Michel Barnier, qal li dan l-abbozz huwa pass kruċjali biex iż-żewġ partijiet jieħdu dak li jridu mid-divorzju. Qal li l-abbozz ta’ May sab soluzzjoni għall-fruntieri Irlandiżi, iżda għad hemm ħafna xogħol xi jsir.

“It-triq ‘il quddiem għadha twila, u jaf tkun diffiċli jkollna Brexit seren”, temm jgħid Barnier f’indirizz lill-ġurnalisti hekk kif tħabber li l-kabinett ta’ May approva l-abbozz.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend