FILMAT: Tifel ta’ 10 snin l-isptar wara li raġel spara tiri f’ħanut tal-merċa f’Ħaż-Żabbar – One News

Notifiki

FILMAT: Tifel ta’ 10 snin l-isptar wara li raġel spara tiri f’ħanut tal-merċa f’Ħaż-Żabbar

Tifel ta’ għaxar snin idaħħal l-isptar isofri minn xokk wara li raġel spara tiri f’ħanut tal-merċa f’Ħal-Żabbar. Il-każ seħħ ftit qabel it-20:10 tat-Tlieta filgħaxija fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar.

Jidher li r-raġel ta’ 46 sena, mgħammad u armat b’arma tan-nar, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-sid il-ħanut. Dan tal-aħħar flimkien ma’ xi persuni li kienu preżenti fil-ħanut irreżistew lill-aggressur, u f’dan il-mument, ġew sparati xi tiri iżda ħadd ma ntlaqat. Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jidher li wieħed mit-tiri sparati weħel mas-saqaf tal-ħanut.

Il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit mmexxija mill-Ispettur Antoine Cilia marru immedjatament fuq il-post u arrestaw lir-raġel ta’ 46 sena li baqa’ għal xi ħin miżmum arrestat fuq il-post sakemm eventwalment ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Huwa mistenni jiġi eżaminat ukoll għal traċċi ta’ Gun Powder Residue mill-esperti forensiċi tal-Korp.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mid-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend