Disa’ arrestati fuq traffikar ta’ immigranti fl-Ewropa – One News

Notifiki

Disa’ arrestati fuq traffikar ta’ immigranti fl-Ewropa

Ħames spanjoli u erba’ Franċiżi ġew arrestati wara li investigazzjoni kixfet li  jagħmlu parti minn organizzazzjoni kriminali responsabbli bi traffikar tal-bnedmin mill-Palestina għall-Ewropa ta’ fuq.

L-arresti saru wara operazzjoni bl-isem “Operation Safar” mill-Awtoritajiet Spanjoli u Franċiżi konġunta mal-Europol.

L-operazzjoni seħħet fl-24 ta’ Ottubru wara li l-investigazzjoni kixfet kif din l-organizzazzjoni hija responsabbli li traffikat madwar 1,200 immigrant illegali lejn l-Ewropa ta’ fuq.

L-organizzazzjoni kriminali għall-ewwel fażi tat-traffikar kienet tuża rotot partikolari fosthom mil-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Amerika t’Isfel.

Minn hemm l-immigranti kienu jittieħdu f’akkomodazzjoni f’Madrid fi Spanja sakemm jiġi ppjanat il-vjaġġ tagħhom bil-karozza lejn Franza.

Vjaġġ li kien joħodhom u jgħaddihom mill-fruntiera Franċiża illegalment.

Huwa mifhum ukoll li għal vjaġġ kollu mill-Palestina sal-Ewropa ta’ fuq, kull immigrant kien qed iħallas bejn €5,000 u €8,000. Dan wassal sabiex dawk responsabbli tat-traffikar jagħmlu mad-€9 miljun fi profitt.

Il-Europol li hija l-Aġenzija Ewropea tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għamlet parti minn din l-operazzjoni ta’ arrest wara li kellha uffiċjali kemm fi Franza u Spanja sabiex janalizzaw is-sitwazzjoni li kienet għadha qed tiżviluppa.

Din l-operazzjoni ffurmat parti mill-qafas tal-grupp Dunqett li huwa responsabbli għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend