Imfakkra l-memorja ta’ uffiċjal tal-Pulizija li nqatel waqt il-qadi ta’ dmirijietu – One News

Notifiki

Imfakkra l-memorja ta’ uffiċjal tal-Pulizija li nqatel waqt il-qadi ta’ dmirijietu

Kienu bosta li fuq il-midja soċjali fakkru l-memorja tal-Kuntistabbli Roger Debattista – missier ta’ żewġt itfal li sbatax-il sena ilu kien inqatel waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Il-każ seħħ fit-12 ta’ Novembru tal-2001, meta l-uffiċjal kien xogħol ma’ bank f’Ħal Qormi, ra tliet ħallelin armati mexjin lejn l-entratura, u meta pprova jsakkar il-bieb biex jipproteġi u jiddefendi lill-klijenti u l-ħaddiema tal-bank li kien hemm ġewwa, wieħed mill-ħallelin spara tir fid-direzzjoni tiegħu.

Il-balla kienet għaddiet mill-bieb u laqtet lill-Kuntistabbli. L-aggressur – li aktar tard matul l-investigazzjoni ġie identifikat bħala Andy Calleja, spara tir ieħor lejn Debattista u qatlu.

Fuq Facebook, il-Fondazzjoni Blue Light qalet li dwar il-każ, l-akkużati Mario Borġ u Mark Falzon intbagħtu ħames snin ħabs, filwaqt li Ian Galdes intbagħat seba’ snin ħabs. Andy Calleja ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs, li ġiet ikkonfermata fl-istadju t’appell.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend