“Jaqblu biss fuq kif iħammġu isem pajjiżna”- il-PM – One News

Notifiki

“Jaqblu biss fuq kif iħammġu isem pajjiżna”- il-PM

 

“Grupp ta’ self-employed u kulħadd jaħdem għal rasu.”

Dak kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-konfront tan-nies responsabbli bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

 

Huwa qal dan waqt li kien qed jitkellem dwar l-inċertezza u n-nuqqas ta’ qbil li qed taħkem il-Partit Nazzjonalista:

“Fl-aħħar mill-aħħar illum il-ġurnata jien ma nafx x’inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni fuq ħafna affarijiet. Kulħadd għal rieħu, grupp ta’ self-employed dan, kulħadd jaħdem għal rasu, assolutament”.

Il-Prim Ministru stqarr li huwa biss f’okkażjoni waħda li l-Partit Nazzjonalista jidher li jiġbed ħabel wieħed, dik meta tiġi l-opportunità biex iħammġu isem pajjiżna:

“L-unika ħaġa li jħallu wħud minn fosthom jagħmlu tkun li jmorru ixewxu kontra isem Malta.Kemm jieħdu pjaċir, għasel tinżel. Kif jaraw li b’xi mod hemm naqra ċans li titkellem kontra l-pajjiż jiekluh microphone”.

Hawnhekk tenna li r-risposta għal dan ma ssirx permezz ta’ kitbiet fuq il-midja soċjali u dimistrazzjonijiet imma permezz tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Huwa wieġeb ukoll għall-gidba riċenti tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Liema gidba tgħid li wliedu jattendu skola l-Ingilterra bi spejjeż li jammontaw għal €65,000 fis-sena.

Assigura li dak li qal Azzopardi ma kien minnu xejn u appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jieħu r-riedni f’idejh u jaqta’ linja bejn il-ħajja privata u dik politika:

“Hemm linja ċara ħafna bejn ħajja privata u ħajja pubblika, u aħna jiġri x’jiġri fil-ħajja privata ma jinteressana xejn, ma mmissuwiex b’xejn. Jekk xejn lil min ikollu problema fil-ħajja privata aħna f’dak il-ħin u mument nieqfu miegħu u magħha”.

Rigward l-allegazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black, il-Prim Ministru kien ċar u tenna li ser jistenna t-tmiem l-investigazzjoni indipendenti mill-qrati Maltin:

“Dan huwa il-mod serju ta’ kif isiru l-affarijiet, anke għaliex fil-passat nerġa’ ngħid kellna affarijiet li ntqalu li ma kienu veru xejn”.

Kien hawn li qal li jekk l-Oppożizzjoni trid timxi bil-kejl li jekk issir allegazzjoni jrid ikun hemm riżenja, tajjeb li dawk tal-Partit Nazzjonalista jimxu bl-eżempju huma stess.

Dan hekk kif huwa rrefera għall-akkużi ta’dħul mill- kriminalità mill-kap tal-oppożizzjoni u għall-investigazzjoni mill-OLAF fil-konfront tal-MEP Nazzjonalista David Casa rigward inflazzjoni ta’ pagi:

“Imur hu stess għand Maġistrat, jaqbad l-allegazzjonijiet li saru kontrih, id-dokumenti li ġew preżentati kontrih, u jgħid isma għamlu investigazzjoni fuqi. Hemmhekk tista’ tkun kredibbli”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend