ARA: Inawgurat il-mużew il-ġdid tal-arti fil-Belt Valletta – IL-MUŻA | One News

Notifiki

ARA: Inawgurat il-mużew il-ġdid tal-arti fil-Belt Valletta – IL-MUŻA

Dan huwa l-MUŻA, il-mużew tal-arti li ġie inawgurat mill-Prim Ministru s-Sibt filgħaxija, li jinsab fil-qalba taċ-ċentru amministrattiv tal-kapitali tagħna, propju f’dik li kienet il-berġa tal-Italja.

Dan il-mużew mill-aktar interattiv sar b’investiment t’€10 miljun.

Quddiem numru ta’ nies għatxana biex jaraw l-aqwa tal-arti f’Malta esposta f’post fejn jixirqilha, il-Prim Ministru għamel indirizz qasir iżda sinifikanti.

Bl-istess emozzjoni fost l-artisti preżenti, li bid-daqqa tal-pinzell tagħhom fuq xi tila jsaħħruk bit-talenti tagħhom, il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat spjega kif dan il-mużew il-ġdid tal-arti se jżewweġ il-muża tal-artisti li ġew qabilna mal-ispirazzjonijiet tal-artisti kontemporanji.

“Muża se jħalli s-sbuħija tat-tradizzjoni dik li ddur bil-mod u bil-galbu madwar xi biċċa arti li nsibu hawn, iżda fl-istess ħin it-teknoloġija se tkun qed tgħin biex tifhem u tapprezza ferm aktar dak li jkollok quddiemek. Kunċett ġdid, fejn il-viżitatur innifsu jkun parteċipi, jistaqsi, jifhem u jesplora. Spazju fejn isiru attivitajiet, esebizzjonijiet u diskussjonijiet. Spazju fejn l-artist tal-lum jesponi xogħolu fi spazju artistiku, bi kburija. Post li se jagħmel ġustizzja ma’ tant nies li qabel illum xogħolhom kien moħbi x’imkien jew f’xi kollezzjoni privata, jew x’imkien fejn ma jgawdiha ħadd.”

Fis-sena li matulha l-Belt Valletta qiegħda fit-tmun tat-titlu tal-kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Prim Ministru fisser il-MUŻA bħala rigal.

“Muża huwa huwa rigal lil Malta fl-okkażjoni ta’ Valletta 2018 bħala l-Kapitali Kulturali Ewropea.  Rigal għan-nies kollha.  Rigal għat-tfal li minn din is-sena jistgħu jġibu huma lill-ġenituri tagħhom … u jkunu t-tfal li jdaħħlu b’xejn lill-ġenituri tagħhom, mhux bil-maqlub. Għax l-arti mhijiex arti kompluta jekk ma tkunx tan-nies.  U l-kultura ma tkunx kultura jekk ma jgħixuhix in-nies.”

Fl-istess ċerimonja, fil-preżenza taċ-Chairman ta’ Heritage Malta Anton Refalo, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fisser kif il-poplu Malti qatt ma jaqta’ l-għatx mill-avvenimenti kulturali.

“Ninsabu fuq l-għatba tal-futur tas-settur tal-arti u l-kultura u dak li bnejna din is-sena m’huwiex it-tmiem iżda se jwassalna għal aktar”, irrimarka il-Ministru Bonnici.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend