Dak kemm jiswa? – One News

Dak kemm jiswa?

Id-dritt għall-għażla huwa wieħed mit-tmien drittijiet bażiċi li għandna bħala konsumaturi. Dan id-dritt ifisser li fis-suq għandna nsibu prodotti ta’ kwalitajiet differenti bi prezzijiet differenti biex b’hekk inkunu nistgħu nagħmlu l-aħjar għażla skont il-bżonnijiet u l-but tagħna. Pero’ biex verament nagħmlu l-aħjar għażla, importanti li nkunu nafu x’hemm fis-suq u dan nistgħu nagħmluh biss billi nduru diversi ħwienet u naraw x’għandhom għall-bejgħ. Għażla ta’ xiri tajba tiddependi wkoll minn informazzjoni ċara u korretta fuq il-prodotti offruti għall-bejgħ.

Informazzjoni importanti li bla dubju għandna bżonn biex nagħmlu l-għażla tagħna huwa l-prezz. Sabiex din l-għażla tkun ukoll waħda libera huwa essenzjali li kull oġġett għall-bejgħ ikun immarkat bi prezz biex b’hekk ma noqgħodux nistaqsu lil tal-ħanut u nħossuna skomdi jekk il-prezz ma jkunx tal-but tagħna.. Fil-fatt huwa obbligu legali li kull prodott eżibit għall-bejgħ għandu jkun immarkat bi prezz b’mod ċar u faċli biex jinqara.

Il-prezzijiet għandhom ikunu indikati kemm fuq il-prodotti offruti għall-bejgħ ġewwa l-ħanut kif ukoll fuq dawk eżibiti fil-vetrina. In-negozjant għandu wkoll jesebixxi kampjun ta’ kull xorta, daqs, tip jew marka tal-oġġetti li għandu għall-bejgħ u fuq dawn jindika l-prezz. Jekk ikun hemm aktar minn prodott wieħed tal-istess tip ikun biżżejjed jekk il-prezz jintwera fuq prodott minnhom jew fuq l-ixkaffa fejn ikunu stivati l-prodotti. L-importanti hu li l-prezz ikun jidher ċar. Obbligu ieħor li għandu tal-ħanut huwa li l-prezzijiet fuq l-oġġetti jkunu l-prezzijiet finali, u jinkludu t-taxxa u kwalunkwe spiża oħra marbuta max-xiri tal-oġġett.

F’każ ta’ oġġetti li jinbiegħu bl-użin bħal per eżempju prodotti tal-laħam jew ġobon, kif ukoll prodotti likwidi, dawn għandhom ikollhom żewġ prezzijiet immarkati fuqhom. Wieħed mill-prezzijiet għandu jkun il-prezz attwali tal-prodott għal-kwantità stabbilita u l-prezz l-ieħor jindika l-prezz tal-unità, li hu l-prezz finali tal-prodott għal kull kilo, litru, metru, jew metru kwadru skont xi jkun il-prodott.

Il-prodotti li ma jaqgħux taħt dawn ir-regolamenti huma dawk li jinxtraw bi skop li jerġgħu jinbiegħu bħal pereżempju meta distributur jagħti x-xogħol lil tal-ħaut li jbiegħ bl-imnut. Eċċezzjonijiet oħra huma prodotti li jinbiegħu waqt li qed jiġi pprovdut servizz u meta jsir bejgħ bl-irkant jew bejgħ ta’ xogħolijiet artistiċi jew antikitajiet. Anke min jagħmel riklam mhuwiex obbligat jgħid kemm jiswa l-prodott li qed jirriklama, sakemm ma jiddeċidix li jindika l-prezz fir-riklam għaliex f’dan il-każ irid ikun hemm indikat ċar il-prezz finali tal-oġġett.

Meta tal-ħanut ma jagħmilx il-prezzijiet fuq l-oġġetti hekk kif indikat minn dawn ir-regolamenti, ikun qed jikser il-liġi u jekk jinstab ħati jista’ jeħel multa u kif ukoll sospensjoni tal-liċenzja tal-bejgħ.

F’każ li niltaqgħu ma prodotti li ma jkunux immarkati bi prezz skont il-liġi, nistgħu  nagħmlu rapport billi nċemplu fuq Freephone 8007 4400 jew nibgħatu imejl fuq [email protected] jew onlajn permezz ta’ din il-link: https://mccaa.org.mt/home/infringement.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend