Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li l-pagi se jikbru tliet darbiet iktar minn tal-UE | One News

Notifiki

Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li l-pagi se jikbru tliet darbiet iktar minn tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar tkabbir fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul is-sena d-deħla. 

 

Fit-tbassir ekonomiku tagħha għall-ħarifa, il-kummissjoni qalet li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni jkun ta’ 4.9%, aktar mid-doppju tal-medja fl-Unjoni Ewropea li hija ta’ 1.9%.

Il-kummissjoni qalet li r-raġunijiet għal dan it-tkabbir ekonomiku hija ż-żieda fin-nefqa tal-Maltin f’xiri ta’ oġġetti u servizzi flimkien ma’ żieda qawwija fl-investiment.

Il-kummissjoni tinnota wkoll li matul is-sena d-dieħla proġetti kbar fil-qasam tas-saħħa u l-qasam tat-turiżmu se jkomplu jixpunaw l-investiment fis-settur privat waqt li l-konsum privat se jibqa’ dinamiku għax sostnut b’suq tax-xogħol li qed dejjem jikber u b’żieda fi flus fl-idejn.

Fil-fatt il-Kummissjoni qed tbassar żieda fl-impjiegi f’Malta u r-rata ta’ qgħad fis-sentejn li ġejjin li se tibqa’ fost l-anqas fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni qalet ukoll li f’pagi tal-ħaddiema f’Malta se jiżdiedu b’1.8%, it-triplu taż-żieda li qed ibassar għall-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni qalet li Malta mistennija kollha t-tieni l-ogħla surplus fiż-żona ewro, wara l-Ġermanja.

Filwaqt li se jonqos fis-snin li ġejjin, dan se jilħaq il-kważi 1% fis-sentejn li ġejjin, u jibqa’ t-tieni l-aktar għoli wara dak tal-Ġermanja. Dan b’kuntrast ta’ dak li qed ikun imbassar għall-bqija tal-UE fejn mistenni jkun hemm defiċit ta’ 1% tal-ġid li qed jinħoloq.

Il-Kummissjoni qalet li s-surplus fil-finanzi pubbliċi se jibqa’ minkejja t-tnaqqis fit-taxxi, iż-żieda fl-ispiża soċjali u f’dik kapitali. Fl-istess waqt tbassar li d-dejn ta’ Malta se jonqos għal 42.1% tal-prodott domestiku gross fl-2020, 30% anqas mill-2012.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li r-rapport tal-Kummissjoni jikkonferma kif bħalissa, Malta verament qed tgħix is-suċċess bi tkabbir rekord fl-impjiegi, żidied fil-pagi ferm għola minn dawk fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, investiment qawwi u finanzi pubbliċi fis-sod.

Bil-mizuri tal-Budget 2019, pajjiżna mistenni jkompli jqawwi r-ritmu ekonomiku, filwaqt li tiżdied l-ispiża soċjali u jonqsu l-piż tat-taxxi biex il-ġid ikompli jitqassam aħjar.

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend