Il-Pulizija b'qabda ta' kważi miljun sigarett ieħor tal-kuntrabandu | One News

Notifiki

Il-Pulizija b’qabda ta’ kważi miljun sigarett ieħor tal-kuntrabandu

F’inqas minn 24 siegħa minn qabda kbira ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, l-Pulizija Maltija wasslet għal qabda kbira oħra ta’ sigaretti tal-kuntrabandu fuq dgħajsa fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. 

 

ONE News hu nfurmat li l-qabda seħħet matul il-lejl li għadda, f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizz tas-Sigurtà wasslet biex ġew interċettati mall-4,350 grossa sigaretti tal-kuntrabandu li jammontaw għal aktar minn 800,000 sigarett.

Sorsi qrib il-Pulizija qalu ma’ ONE News li għall-bidu, fuq id-dgħajsa li ġiet interċettata mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta, kien maħsub li kien hemm droga, madankollu x’ħin il-Pulizija telgħet fuq id-dgħajsa nstabu bosta kaxxi ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, li l-valur tagħhom fis-suq jammonta għal eluf kbar ta’ ewro.

B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati 3 irġiel Maltin li l-età tagħhom tvarja bejn l-24 u d-29 sena, u li huma residenti l-Marsa u l-Ħamrun.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija ta’ kontra r-Reati Ekonomiċi. ONE News hu nfurmat li d-dgħajsa li fuqha nqabdu s-sigaretti tal-kuntrabandu tinsab sorġuta fil-Furjana taħt sigurtà stretta.

Intant, din il-qabda seħħet wara li l-bieraħ ħidma oħra wasslet għal qabda ta’ 37 miljun sigarett tal-kuntrabandu f’erba’ kontejners fil-Freeport.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend