Il-K.E. tagħraf li Malta qed tieħu passi dwar il-ħasil tal-flus – One News

Notifiki

Il-K.E. tagħraf li Malta qed tieħu passi dwar il-ħasil tal-flus

L-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, laqgħet dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li rrikonoxxiet il-miżuri li adottat Malta biex tindirizza sfidi li ġew elenkati mill-Awtorità Bankarja Ewropea dwar id-direttiva Ewropea li ma tħallix istituzzjonijiet finanzjarji jintużaw għall-ħasil ta’ flus u ffinanzjar ta’ terroriżmu.

 

Fi stqarrija, l-FIAU laqgħet il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea nnutat riżultati pożittivi li nkisbu fl-aħħar żmien, u l-progress li għamlet l-aġenzija Maltija.

L-FIAU qalet li fl-aħħar xhur ħadet bosta azzjonjiet konkreti biex tindirizza tħassib tal-kummissjoni, li talbet lill-Aġenzija Maltija tkompli tieħu miżuri addizzjonali biex iżżid is-superviżjoni tagħha fuq il-banek Maltin.

Id-Direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia, tenna li l-aġenzija se tassigura li s-settur finanzjarju f’Malta jibqa’ mħares mill-kriminalità finanzjarja u mill-ħasil tal-flus.

Qal li l-Pjan ta’ Azzjoni li fasslet l-FIAU jindirizza tħassib tal-Kummissjoni Ewropea, u juri l-impenn tagħha biex issaħħaħ il-proċess ta’ superviżjoni tagħha tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’Malta.

Fost dawn il-miżuri, l-FIAU rat li żżid ir-riżors uman u tekniku, u tejbet il-proċess li bih tiġbor l-informazzjoni waqt l-ispezzjonijiet.

Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-FIAU hija impenjata li tibqa’ taħdem mal-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtorità Bankarja Ewropea, biex tindirizza l-isfidi l-ġodda mhux biss minn Malta, iżda mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Huwa żied jgħid li l-FIAU fil-jiem li ġejjin se tgħarrafhom bl-azzjonijiet speċifiċi li diġà ġew implimentati, u bl-azzjonijiet li mistennija tieħu fl-iqsar żmien possibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend